L-INDUSTRJA MALTIJA L-AKTAR SODISFATTA BIL-GRADWATI FOST IL-PAJJIŻI EWROPEJ
Stħarriġ tal-Eurobarometer pubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa juri li l-industrja Maltija hi l-aktar sodisfatta fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li l-gradwati tagħna għandhom il-ħiliet meħtieġa għall-industrja tagħna.
Skont ir-rapport (Eurobarometer survey on employers’ perception of graduate employability), 69 fil-mija ta’ dawk li wieġbu qalu li huma jaqblu bil-qawwa ma’ din l-istqarrija filwaqt li 25% oħra qalu li jaqblu. Kien biss 4% li ma qablux u 2% ma qablu assolutament xejn ma dan.
Għal domanda jekk jaqblux li hu essenzjali li n-nies li jkunu se jimpjegaw ikunu għamlu esperjenza ta’ xogħol, 75% qalu jaqblu perfettament u 19% oħra qalu li jaqblu. F’dan ir-rigward l-industrja Maltija hi t-tieni l-aktar fl-Ewropa li tħoss il-bżonn li l-gradwati jkunu għamlu esperjenza ta’ xogħol.
L-industrjalisti Ewropej kienu qed iwieġbu għal survey dwar il-Perċezzjoni tagħhom tal-impjegabilita’ tal-gradwati. Kien hemm aktar minn 7,000 kumpanija li wieġbu għal dan l-istħarriġ, liema kumpaniji mpjegaw gradwati fil-ħames snin li għaddew u qed jippjanaw li jimpjegaw gradwati oħra fil-ħames snin li ġejjin.
L-industrjalisti Ewropej jgħidu li l-għarfien ta’ lingwi barranin u l-ħiliet bażiċi fil-lingwi, in-numri u l-kompjuter huma l-aktar li jfittxu fl-impjegati tagħhom. 55% qalu li jfittxu impjegati li almenu għandhom grad ta’ baċellerat filwaqt li 34% iriduhom bil-Masters.
41% tal-industrjalisti Ewropej ikunu lesti li jħaddmu gradwati anke mhux mill-pajjiż fejn huma bbażati, basta jkollhom l-aħjar talent li jkun hawn fis-suq tax-xogħol Ewropew. Interessanti li min iħaddem ifittex li jkollu workforce internazzjonali u hemm min iħoss li l-ħaddiema barranin ikollhom etika ta’ xogħol ogħla minn dawk lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003