PROĠETT TA’ €16-IL MILJUN FIT-TITJIB TA’ ŻONI INDUSTRIJALI: INVESTIMENT FAVUR IL-ĦOLQIEN TA’ IMPJIEGI TA’ KWALITÀ
Il-Gvern qed jinvesti €16.7m, b'kofinanzjament mill-Fond ta' Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, fit-titjib taż-żoni industrijali ta' pajjiżna. Dawn il-proġetti, flimkien mal-manutenzjoni regolari taż-żoni industrijali, għandhom jgħinu biex jitjib sostanzjalment l-ambjent ta' dawn iż-żoni u b'hekk dawn ikunu aktar attraenti għal investituri lokali u barranin. Dan huwa parti mill-ħidma kontinwa biex pajjiżna jkompli jattira xogħol ta' kwalità ogħla anke f'setturi bħall-manifattura. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech, waqt li kien imdawwar max-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fiż-żona industrijali ta' Ħal Far.
Il-Ministru Tonio Fenech spjega li dan ix-xogħol fil-preżent għaddej f'ħames żoni industrijali differenti, li huma Bulebel, Ħal Far, Mosta Technopark, Kordin u Xewkija. Ix-xogħol f'dawn iż-żoni jinkludi l-bini ta' toroq ġodda, l-installazzjoni ta' servizzi, reservoirs għall-ġbir ta' ilma tax-xita, titjib ġenerali u landscaping. Dan ix-xogħol jikkumplimenta xogħol ta' upgrading li jsir mill-Malta Industrial Parks fuq bażi regolari.
Il-Ministru żied jgħid li f'dan il-proġett kien hemm konsiderazzjoni importanti għall-aspett soċjali u l-impenn tal-Gvern biex jinċentiva aktar persuni, b'mod partikolari nisa, jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Filfatt, bħala parti minn dan l-investiment, qed jiġu żviluppati tliet child care centres fiż-żoni industrijali tal-Kordin, il-Mosta u x-Xewkija.
Il-proġett f'Ħal Far huwa l-akbar mix-xogħlijiet msemmija, li waħdu jiswa aktar minn €6m. Din hija żona fejn insibu numru ta' kumpaniji tal-farmaċewtika, settur li qed jikber u joħloq numru ta' impjiegi ġodda. Barra mill-estetika, qed isir titjib is-sistema tat-traffiku, jiżdied il-parkeġġ, qed jiġu żviluppati numru ta' green areas, se jsir titjib is-sistema tad-dawl u se jsiru reservoirs biex jinġabar l-ilma tax-xita.
Il-Ministru Fenech temm jgħid f'Ħal Far qed jinħoloq ukoll spazju għal aktar fabbriki u ħabbar li hemm numru ta' kumpaniji eżistenti li diġà esprimew l-interess tagħhom li jespandu l-operat tagħhom f'din iż-żona. Filwaqt li dan il-proġett jaħseb għal industrija ta' ċertu daqs, il-Gvern qed jaħseb ukoll fis-sidien ta' negozji iżgħar. F'dan il-kuntest, se jkun qed isir investiment ta' €10m f'dik li qed tissejjaħ il-Hutment Area f'Kordin, li se tipprovdi mas-70 small scale units għall-industriji żgħar li jipprovdu servizz lokalment iżda b'potenzjal li jesportaw.
Il-Ministru Fenech kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi u miċ-Chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003