PROĠETT TA’ TISBIĦ FI TRIQ BISAZZA
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino żar ix-xogħolijiet inizjali ta' tisbiħ fuq Triq Bisazza. Il-Ministru Pullicino kien akkumpanjat mis-Sindku u kunsilliera flimkien ma' membri tal-kumitat tal-komunità Kummerċjali ta' Tas-Sliema.
Il-Ministru Pullicino spjega li dan il-proġett se jkun qed jagħti wiċċ ġdid u spazju miftuħ lil din it-triq. Bħalissa qed isir ix-xoghol fuq is-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ li fil-fatt se jinbidlu u jsiru mill-ġdid. It-triq u l-bankina se jkunu ppavimentati f'livell wieħed permezz tal-materjal tal-porfido li jagħti dehra mill-isbaħ, iżda se jiġu wkoll installati bollards tul it-triq kollha. Din it-triq, ladarba jitlesta l-proġett, se tkun meħlusa mill-karozzi pparkjati, sabiex tiżdied iż-żona pedonali, filwaqt li t-triq se tkun imsebbħa wkoll b'siġar, dawl dekorattiv u numru ta' bankijiet.
Il-pjazzetta ta' Triq Bisazza, li sa llum kienet tkun maħnuqa bil-karozzi pparkjati ġo fiha, se tinbidel fi spazju miftuħ u msebbaħ. Din il-pjazza se tisebbaħ b'żewġ funtani, dawl dekorattiv, numru ta' bankijiet biex iservu ta' post għar-rilassament u skultura interattiva. Il-Ministru Pullicino qal ukoll li f'din iż-żona se tkun ukoll installata sistema ta' Wi-Fi.
Intant il-pjan hu li Triq Bisazza ser tingħalaq għat-trafiku lejn nofs il-ġimgħa d-dieħla. Ix-xogħol mistenni jdum madwar erba' xhur, sabiex jitlesta sa qabel is-sajf. Mhux ser isir xogħol fil-ġranet tal-perjodu tal-Għid minħabba n-negozju li jsir tul dawk il-ġranet.
Il-ħaddiema mid-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi ser ikunu qed jaħdmu mis-7am sat-8pm matul il-ġimgħa u mis-7am sas-1pm s-Sibtijiet u l-Ħdud.
Dan ix-xogħol fi Triq Bisazza jikkumplimenta t-tisbiħ li diġà sar f'din iż-żona kummerċjali, l-aktar permezz tax-xoghlijiet ta' tisbiħ li sar fi Triq it-Torri u Pjazza Sant' Anna.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003