STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA
Aktar opportunitajiet biex in-nisa javvanzaw u jkomplu l-karriera
Matul dawn l-aħħar snin il-Gvern offra diversi opportunitajiet biex nies li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew ikomplu jistudjaw biex jagħmlu karriera, ikunu megħjuna biex jagħmlu dan.
Infatti mill-2003 ’l hawn in-numru ta’ nisa fl-età bejn il-25 u l-45 sena li kienu jaħdmu żdied bi 11%, filwaqt li fil-grupp ta’ dawk bejn il-15 u l-24 sena kien hemm rata ferm qawwija li komplew bl-istudji tagħhom tant li kemm fl-Università kif ukoll fl-MCAST in-numru ta’ tfajliet jistudjaw jisboq lil dak tal-ġuvintur.
Fost in-numru ta’ nisa li jaħdmu hemm 39.1% li għandhom wild wieħed, 27.8% għandhom żewġt itfal filwaqt li 21.7% għandhom tlett itfal.
Dan juri kemm il-miżuri introdotti mill-Gvern bl-iskop li jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja qed jagħtu l-frott.
Fost dawn il-miżuri hemm li nisa li jirritornaw għax-xogħol wara ħames snin li jkunu waqfu biex irabbu t-tfal ikun eżentati mill-ħlas tat-taxxa għal sena għal kull wild taħt is-16-il sena. B’kollox 7,521 omm jew mara ingħataw tnaqqis fl-income tax għaliex daħlu lura f’impjieg jew baqgħu f’impjieg. Huma gawdew €7.4 miljun bejniethom.
• Fl-aħħar Baġit kienet introdotta miżura li permezz tagħha nisa li jaħdmu u għandhom l-irġiel tagħhom jirċievu pensjoni, id-dħul tagħhom ma jkunx kalkolat għall-fini tal-pensjoni u allura r-raġel jibqa’ jirċievi pensjoni sħiħa.
• Minn din is-sena wkoll nisa li jaħdmu għal rashom part-time jistgħu jagħżlu li jħallsu kontribuzzjoni ta’ 15% pro rata fuq id-dħul tagħhom minflok il-kontribuzzjoni minima u jkollhom drittijiet għall-benefiċċji soċjali bl-istess rata. Dan għandu jgħin biex nisa li llum jaħdmu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.
• Ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’Child Care Centres ikollhom tnaqqis fid-dħul taxxabbli tagħhom ta’ €1,000 Ewro. Fl-aħħar sentejn, 2.131 familja bbenefikaw minn dan it-tnaqqis.
• Min iħaddem li joffri l-faċilità ta’ Child Care Centre għall-impjegati tiegħu jista’ jnaqqas l-ispejjeż ta’ dan is-servizz għall-finijiet ta’ taxxa.
Barra minn dan il-Gvern introduċa diversi arranġamenti ta’ xogħol flessibbli u leave speċjali biex jgħin jintlaħaq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. Numru ta’ ażjendi privati wkoll joffru arranġamenti simili.
Madwar 400 impjegat fiċ-ċivil illum jaħdmu bit-teleworking u minn dawn xi 40 biss huma rġiel – l-oħrajn kollha nisa.
Hemm ukoll konċessjoni ta’ sena Parental Leave bla ħlas għal dawk l-impjegati li jkunu jridu jieħdu ħsieb lil uliedhom taħt is-sitt snin. Dan il-perjodu jista’ jinqasam bejn iż-żewġ ġenituri jekk ikunu jaħdmu.
Hemm ukoll possibiltà li impjegati jaħdmu fuq sistema ta’ siegħat imnaqqsa biex ikunu jistgħu jlaħħqu mad-dmirijiet tal-familja.
Dawn l-arranġamenti jistgħu jibbenefikaw minnhom kemm impjegati nisa kif ukoll irġiel għalkemm fil-maġġoranza huma n-nisa l-aktar li jfittxuhom. Fil-fatt fis-servizz ċivili hemm 3,287 jagħmlu użu minn dawn l-arranġamenti li minnhom 538 biss huma rġiel.
Barra minn dan il-Gvern għandu numru ta’ Child Care Centres imferrxa ma’ Malta u Għawdex u oħrajn se jiftħu din is-sena. Familji bi dħul baxx jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi bla ma jħallsu u l-ħinijiet ta’ dawn iċ-ċentri jistgħu jkunu estiżi kemm il-darba jkun hemm talba għal dan is-servizz. Fl-aħħar sena n-numru ta’ tfal jattendu Child Care Centres tal-Gvern żdied b’132 għal total ta’ 374 Dan barra dawk li jattendu fl-43 ċentru ieħor reġistrati mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi tipprovdi wkoll servizz wara l-ħinijiet tal-iskola għal tfal bejn it-3 u s-16-il sena biex ġenituri li jaħdmu jistgħu jħallu lil uliedhom f’dawn iċ-ċentri sas-6.00 p.m.
Fl-istqarrija li ħarġet, id-Deputat tal-Oppożizzjoni l-Onor. Helena Dalli, injorat dawn il-miżuri kollha u r-riżultati pożittivi li qed jagħtu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003