JUM IL-ĦAJJA 2011 F’GĦAWDEX
Għat-tieni sena konsekuttiva, Għawdex ingħaqad ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa biex jiċċelebra Jum il-Ħajja 2011, b’attività pubblika mtellgħa minn Dar Ġużeppa Debono.
L-attività bdiet b’mument ta’ talb fil-Knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat Għawdex, u dritt wara bdiet mixja simbolika favur il-ħajja lejn is-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù fir-Rabat stess. F’din il-mixja, li fiha ħadu sehem il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, id-Direttur tal-Caritas f’Għawdex Mons. Manwel Curmi, id-Direttriċi ta’ Dar Ġużeppa Debono, is-Sinj. Maria Attard kif ukoll membri tal-Iscouts tas-Subien, ipparteċipaw ukoll għadd ta’ studenti li jattendu ċ-Ċentru għal Studji Ogħla Sir M.A. Refalo flimkien mal-pubbliku inġenerali.
L-attività kompliet bi programm ta’ kant, drama u żfin li ttella’ għall-okkażjoni, kif ukoll b’messaġġi favur il-ħajja mill-Onor. Giovanna Debono u minn Mons. Manwel Curmi.
Fid-diskors tagħha l-Ministru għal Għawdex saħqet li l-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha preżenti kienet xhieda tal-impenn tal-poplu Għawdxi favur il-ħajja u kontra kull forma ta’ azzjoni li tmur kontra dan il-prinċipju. Hija qalet li permezz tal-ħidma valida mwettqa matul dawn l-aħħar 25 sena minn Dar Ġużeppa Debono, Għawdex ta kontribut validu biex dawn il-valuri jiġu promossi u protetti fost is-soċjetà. Żiedet tgħid li fattur ieħor importanti huwa dak li dawn il-valuri jiġu wkoll promossi permezz ta’ edukazzjoni preventiva li tgħin biex iż-żgħażagħ ikunu aktar konxji mir-riskji u r-responsabiltajiet tagħhom. Il-Ministru Giovanna Debono rreferiet ukoll għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Għawdxin f’attivitajiet kulturali ankè permezz tal-faċilitajiet extra-kurrikulari li ġew offruti mill-iskejjel wara l-ħin tal-iskola, matul l-aħħar snin. Saħqet li din hija wkoll xhieda, li minkejja ċ-ċokon tal-gżira, illum Għawdex joffri wkoll opportunitajiet edukattivi u soċjali tajbin għat-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin, li jgħinuhom jiffurmaw karattri li jgħożżu valuri soċjali tajbin.
Dar Ġużeppa Debono ilha mwaqqfa mit-8 ta’ Diċembru tal-1985, bil-għan li tkun ta’ għajnuna u toffri kenn lill-ommijiet mhux miżżewġa fiż-żmien tat-tqala sakemm ikollhom it-tarbija. Matul iż-żmien, il-ħidma minn din id-dar żviluppat f’organizzazzjoni li toffri diversi servizzi b’mod speċjali fil-qasam soċjali u dak edukattiv. Fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif ta’ din id-dar, is-sena li għaddiet kienu organizzati diversi attivitajiet fosthom Konferenza Nazzjonali bit-tema Is-Sbuħija tal-Ġisem – Lejn it-Teoloġija tal-Ġisem.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003