IL-ĦRUĠ TA’ SEJĦA GĦALL-OFFERTI GĦALL-‘PROVIŻJONI TA’ SERVIZZ TA’ TRASPORT MARITTIMU BEJN MALTA W GĦAWDEX, GĦALL-ĠARR TA’ PASSIĠĠIERI, VETTURI U MERKANZIJA’
Illum, it-Tlieta 8 ta’ Frar se toħroġ is-sejħa għall-offerti għall-‘Proviżjoni ta’ servizz ta’ trasport marittimu bejn Malta u Għawdex għall-ġarr ta’ passiġġieri, vetturi u merkanzija.’
Din is-sejħa għall-offerti hija frott ta’ proċess ta’ diskussjonijiet mal-Kummissjoni. In-negozjar sar bi skop li jkunu salvagwardjati l-interessi tal-Għawdxin u ta’ dawk kollha li jagħmlu użu spiss mis-servizz, jingħata servizz xieraq, komdu u sigur, u fl-istess ħin, ikunu salvagwardjati l-postijiet tax-xogħol.
X’ġara fl-aħħar snin:
Kuntratt ta’ Obbligu ta’ Servizz Pubbliku 2004 -2010
F’April 2004, il-Gvern u l-Gozo Channel iffirmaw ftehim ta’ esklussività li kien ikopri sitt snin u kien jiggarantixxi prinċipji ta’ sigurta’, kwalita’, regolarita’, kontinwita’, frekwenza, kapaċita’ ta’ servizz provdut u prezz ġust, skont kif meħtieġ għall-bżonnijiet tal-klijent Għawdxi. Il-ftehim kien iffirmat fiż-żmien li Malta ma kenitx għadha membru tal-Unjoni Ewropea.
Proċeduri mill-UE u l-proċess ta’ Litigazzjoni
Minkejja li l-ftehim ġie ffirmat qabel Malta ssieħbet mal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea kienet akkużat lil Malta li kisret ir-Regolament Ewropew li japplika l-prinċipji ta’ liberta’ għall-aċċess tas-swieq tat-trasport marittimu fl-UE. Il-każ mar quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fejn il-Gvern Malti ħadem sabiex jissalvagwardja l-impjiegi tal-ħaddiema tal-Gozo Channel, kif wkoll l-assigurazzjoni li l-gżira Għawdxija jkollha servizz effiċjenti u ta’ frekwenza regolari. Dan sabiex nibqgħu nassiguraw li l-Għawdxin ma’ jkunux żvantaġġati.
F’Ottubru 2010, il-Qorti Ewropea qablet mal-argumentazzjoni li kien qed jagħmel il-Gvern Malti u qatgħet il-każ favur Malta.
Il-Kuntratt il-Ġdid:
Is-Sejħa għall-Offerti l-ġdida
Is-sejħa għall-offerti għall- ‘Proviżjoni ta’ servizz ta’ trasport marittimu bejn Malta u Għawdex għall-ġarr ta’ passiġġieri, vetturi u merkanzija’ ġiet preparata skont ir-regoli tal-European Union Maritime Cabotage Regulation 3577/92.
L-abbozz ġie rivedut mil-Kummissjoni Ewropea wara li saret laqgħa bejn rappreżentanti tal-istess Kummissjoni u dawk tal-Gvern Malti.
Il-Kummissjoni Ewropea fuq talba tal-Gvern Malti aċċettat li:-
i. minħabba ċ-ċokon tal-portijiet, partikolarment fl-Imġarr, Għawdex, is-servizz bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa jista’ jingħata b’mod esklussiv lill-operatur wieħed, basta li dan jintgħażel wara sejħa għall-offerti li tkun miftuħa għall-operaturi tal-vapuri Ewropej. Dan jassigura kontinwita’ ta’ servizz li jkun strettament regolamentat biex jassigura l-aqwa interess tal-konsumaturi, speċjalment il-konsumaturi li jiddependu minn dan is-servizz;
ii. ħaddiema li jkunu f’kuntatt mal-passiġġieri f’kaz t’emerġenza jinħtieġ li jkunu jafu jitkellmu b’mod tajjeb kemm il-lingwa Maltija u kemm dik Ingliża;
Filwaqt li s-sejħa għall-offerti li ser toħroġ ser tiggarantixxi kontinwita’ tas-servizz li bħalissa qiegħed jingħata, ser tinkludi wkoll dawn l-aspetti:
i. Is-servizz bejn il-portijiet jibqa’ jingħata għall-inqas bl-istess frekwenza u regolarita’ li qiegħed jingħata llum;
ii. Il-frekwenzi u r-rotot tas-servizzi ikunu dawk miftiehma;
iii. In-nollijiet ikunu dawk stabbiliti bil-liġi. L-operatur ma jistax jaqbad u jgħolli in-nollijiet; dan jista’ jsir biss wara talba formali li ssir lir-Regolatur u din tkun trid tiġi aċċettata;
iv. L-operatur ser jiġi kkumpensat għal dak it-telf fl-operat li jagħmel minħabba li l-Gvern jimponi traħħis għad-detenturi tal-Kartanzjan, u għar-residenti Għawdxin u jimponi l-obbligu li jingħata servizz bil-lejl. Dawn kollha huma ppjanati li jibqgħu;
v. Is-servizz ikun skont l-ogħla livelli ta’ sigurta’ u regolamentazzjonijiet oħra;
vi. Is-servizz jista’ jiġi sospiż jew jintemm biss bi ftehim bejn il-Gvern u l-operatur.
Is-sejħa għall-offerti tagħlaq nhar il-Ġimgħa l-1 t’ April 2011 fl-għaxra ta’ filgħodu u kopja tas-sejħa għall-offerti tista’ tinġabar mill-:
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni
Palazzo Verdelin, 111, Archbishop Street
Valletta VLT 1444
Malta
Jew pemezz ta’ l-email : info.mitc@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003