STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAL-4 TA’ FRAR 2010
Mr Speaker,
Illejla nixtieq nirraporta lill-Kamra dwar is-sehem tiegħi fil-Kunsill Ewropew li nżamm nhar il-Ġimgħa li għaddiet u nibda billi nqiegħed kopja tal-Konklużjonijiet ta' dan il-Kunsill Ewropew fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-aġenda ta' dan il-Kunsill kienet iffukata primarjament fuq żewġ elementi: l-enerġija u l-innovazzjoni. Dawn l-oqsma huma pilastri fundamentali fil-ħidma lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u li joħloq l-impjiegi, li huwa l-għan aħħari tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir li ġiet adottata f'Ġunju li għadda.
ENERĠIJA
Fil-qasam tal-enerġija, il-prijorità għall-Ewropa hija enerġija mingħajr periklu, sigura, sostenibbli u bi prezz aċċessibbli li tikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea. Id-diskussjoni tagħna nhar il-Ġimgħa kienet ispirata minn din il-prijorità u kienet ibbażata fuq żewġ dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea ta' Novembru li għadda, jiġifieri Energy 2020, A strategy for competitive, sustainable and secure energyuEnergy infrastructure priorities for 2020 and beyond – A Blueprint for an integrated European energy network. Inqiegħed kopja ta' dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qbilna li l-Unjoni Ewropea teħtieġ suq intern tal-enerġija li huwa kompletament funzjonanti, interkonness u integrat sal-2014 fejn il-gass u l-elettriku jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberament.
Għalkemm il-pass immedjat huwa l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija, huwa meħtieġ immodernizzar u espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa u ħidma għall-interkonnessjoni tan-networks. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew qabel li, u nikkwota
"L-ebda Stat Membru tal-UE ma għandu jibqa' iżolat min-networks Ewropej tal-gass u l-elettriku wara l-2015 jew ikollu s-sigurtà tal-enerġija tiegħu pperikolata minn nuqqas ta' konnessjonijiet adatti."
Dan l-impenn ġie inkluż fil-Konklużjonijiet wara ħidma mill-Gvern Malti u huwa pass kbir fil-politika tal-enerġija għall-pajjiżna.
Snin ilu pajjiżna kien analizza il-possibiltà ta' gas pipeline, u fiċ-ċirkostanzi ta' dak iż-żmien inkluż il-prezz taż-żejt ta' dak iż-żmien, il-konklużjoni kienet li l-idea ma kienetx vijabbli. Iċ-ċirkostanzi inbidlu, inkluż li issa pajjiżna huwa membru fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din il-possibiltà li tista' twassal għall-enerġija aktar nadifa u bi prezzijiet aħjar, waqt li tgħinna niddiversifikaw l-għejjun ta' enerġija għall-pajjiżna, ser terġa' tiġi analizzata. Nixtieq nirrimarka li filwaqt kien sostnut li l-parti l-kbira tal-investiment infrastrutturali fil-qasam tal-enerġija ser jiġi mis-suq, il-Kunsill kkonkluda li:
"Madankollu, xi proġetti li jkunu ġustifikati minn perspettiva ta' sigurtà ta' provvista jew solidarjetà, iżda ma jirnexxilhomx jattiraw biżżejjed finanzjament mis-suq, jistgħu jkunu jeħtieġu xi finanzjament pubbliku limitat biex jinkoraġġixxu finanzjament privat. Tali proġetti għandhom jintagħżlu abbażi ta' kriterji ċari u trasparenti. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta lill-Kunsill sa Ġunju 2011 rigward iċ-ċifri dwar l-investimenti li x'aktarx ikunu meħtieġa, fuq suġġerimenti dwar kif jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' finanzjament u dwar kif jiġu indirizzati l-ostakoli possibbli għall-investiment infrastrutturali."
Id-dikors dwar l-enerġija sar ukoll fid-dawl tal-impenji tal-Unjoni Ewropea għar-rigward il-bidla fil-klima. Għalhekk qbilna dwar il-promozzjoni ta' enerġiji rinnovabbli u teknoloġiji siguri u sostenibbli b'emissjoni baxxa ta' karbonju u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet teknoloġiċi stabbiliti fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.
INNOVAZZJONI
Fil-ħdima tagħna għal aktar xogħol u xogħol aħjar, l-edukazzjoni, ir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fejn ideat innovattivi jiġu żviluppati fi prodotti u servizzi ġodda u kummerċjabbli jibqgħu mutur ewlieni. Il-kapital intellettwali tal-Ewropa huwa ta' benefiċċju kbir għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi. Sal-2014 għandha titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka li tfisser suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni u li tattira dejjem iżjed kemm it-talent kif ukoll l-investiment.
L-innovazzjoni tista' tgħinna biex nindirizzaw l-isfidi l-aktar kritiċi tas-soċjetà tagħna u għalhekk għandhom jitrawmu sinerġiji bejn l-UE u l-Istati Membri sabiex li l-innovazzjonijiet li huma ta' benefiċċju għas-soċjetà jilħqu lis-suq aktar malajr.
Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni Ewropea ġiet inkarigata sabiex, fost l-oħrajn:
- tħejji proposti sabiex jiġu aċċellerati, simplifikati u modernizzati l-proċeduri ta' standardizzazzjoni;
- tipprovdi fejn l-akkwist pubbliku jkun dirett aħjar biex joħloq domanda akbar għal prodotti u servizzi innovattivi; u
- tesplora l-alternattivi għall-istrument ta' valorizzazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fil-livell Ewropew, b'mod partikolari biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-suq tal-għarfien.
SITWAZZJONI EKONOMIKA
Ma setax jonqos li l-Kunsill Ewropew jiddiskuti l-qagħda ekonomika. Kien hemm qbil lli għalkemm għad fadal sfidi sinifikanti, il-prospettiva ekonomika ġenerali qed titjieb.
Matul dan il-Kunsill Ewropew irrafermajna ir-rieda li fil-Kunsill ta' Marzu li ġej nadottaw id-deċiżjoni finali dwar il-bidla limitata fit-trattat biex jiġi stabbilit Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u li jkollna qbil ġenerali dwar il-proposti leġislattivi dwar il-governanza ekonomika sabiex sa tmiem Ġunju jintlaħaq qbil ġenerali mal-Parlament Ewropew. Dan jippermetti t-tisħiħ tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-implimentazzjoni ta' qafas makroekonomiku ġdid.
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u abbażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippreżentat mill-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew ta' Marzu ser jidentifika l-prijoritajiet għar-riformi strutturali u l-konsolidazzjoni fiskali għaċ-ċiklu li jmiss ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza skond il-linji gwida integrati Ewropa 2020. F'dan il-kuntest infakkar li ftit jiem ilu, il-Gvern ippublika l-abbozz tal-Programm Nazzjonalità Riforma għall-konsultazzjoni pubblika; nittama li dan l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni iwassal sabiex il-programm ta' pajjiżna, li aħna mistiedna li nippreżentaw f'April li ġej, ikun pass u strument biex pajjiżna ikompli jissaħħah u jikber.
Matul dan il-Kunsill, is-17-il Kap ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-Euro u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għamilna dikjarzzjoni li ġie mehmuża mal-Konklużjonijiet. F'din id-Dikjarazzjoni irriafermajna r-rieda li nagħmlu kulma hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona tal-Euro. Il-pakkett globali li għandu jiġi konkluż jinkludi l-implimentazzjoni tal-programmi eżistenti mal-Greċja u l-Irlanda, il-valutazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea mal-Bank Ċentrali Ewropew tal-progress fil-miżuri għat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet fiskali u l-prospetti tat-tkabbir, proposti dwar it-tisħiħ tal-Fond Ewropew għall-Isabilità Finanzjarja (EFSF) sabiex tiġi żgurata l-effettività meħtieġa biex jiġi pprovdut appoġġ adegwat u l-konklużjoni tal-elementi operattivi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà f'konformità mal-mandat maqbul f'Diċembru.
Fil-qafas ġdid ta' governanza ekonomika, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern ser nieħdu aktar passi għall-kisba ta' kwalità ġdida fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fiż-żona tal-Euro biex tittejjeb il-kompetittività. Il-pajjiżi li mhumiex membri tal-Euro ser jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-koordinament.
Fil-fatt, il-President tal-Kunsill Ewropew, f'ko-operazzjoni mal-President tal-Kummissjoni, ser ikollu konsultazzjoni mal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri taż-żona tal-Euro biex iħejji rapport li jidentifika passi konkreti 'l quddiem f'konformità mat-Trattat. Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri interessati, iżda li mhumiex parti miż-żona tal-Euro, jkunu involuti fil-proċess, kif meħtieġ.
IL-QAGĦDAFL-EĠITTU U R-REĠJUN
Il-Kunsill Ewropew iddiksuta s-sitwazzjoni fl-Eġittu u fir-reġjun. Fil-waqt li kkundannajna l-vjolenza, enfasizzajna d-dritt taċ-ċittadini kollha li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet fil-libertà u b'mod paċifiku u li dawn ikunu protetti mill-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar tal-liġi.
Sar appell sabiex l-awtoritajiet Eġizzjani jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Eġizzjan permezz ta' riforma politika u tinbeda, minn issa t-transizzjoni ordinata għal gvern rappreżentattiv. L-aspirazzjonijiet demokratiċi taċ-ċittadini għandhom jiġu indirizzati permezz ta' djalogu u riforma politika, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u permezz ta' elezzjonijiet ħielsa u imparzjali.
L-Unjoni Ewropea hija determinata li tappoġġa bis-sħiħ il-proċessi ta' transizzjoni lejn id-deomkrazija, pluraliżmu, opportunitajiet imtejba għal prosperità ekonomika u inklużjoni soċjali, u tisħiħ fl-istabbiltà reġjonali.
pr0229a Kunsill Ewropew_Konkluzjonijiet.pdf
pr0229b Energy 2020_ A strategy for competitive, sustainable and secure energy.pdf
pr0229c Energy infrastructure priorities for 2020 and beyond.pdf
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003