Left arrow Mur Lura

LIVELL IEĦOR TA’ PROTEZZJONI LILL-KONSUMATUR - SE TIDĦOL FIS-SEĦĦ IL-METROLOĠIJA LEGALI

pr0223
Date Icon 07/02/2011

Kif tħabbar fil-Budget għall-2011, il-Gvern se jdaħħal fis-seħħ il-metroloġija legali. Din hi inizjattiva oħra favur il-konsumatur għaliex permezz tagħha se jkun meħtieġ li b'mod regolari jiġi vverifikat l-apparat li jindika kejl jew qies u li fuqu jinħareġ kont lill-konsumatur. B'hekk ikun assigurat li kull apparat tal-kejl ikun qed jaħdem tajjeb, kif suppost, u ħadd ma jħallas iżjed milli hu obbligat għal xi prodott li jkun xtara.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta Chris Said u miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Istandards Francis E. Farrugia.

L-apparat li se jkun verifikat perjodikament jinkludi:

  • magni li jibbottiljaw iċ-ċilindri tal-gass;
  • il-cameras tas-CVA;
  • l-ispeed cameras;
  • il-meters tat-taxis;
  • il-pompi tal-petrol;
  • u kull tip ta' mwieżen bħal dawk li jinsabu fil-ħwienet tal-merċa u supermarkets.

Din it-tabella tindika meta se tidħol il-metroloġija legali f'kull każ, u l-frekwenza ta' kemm-il darba se jsiru l-verifiki fuq apparat li jintuża għall-kejl.

KategorijaTipFrekwenzaTidħol fis-seħħ
strumenti għall-kejl tal-veloċita' speed cameraskull senaMarzu 2011
strumenti għall-kejl tal-ħincameras tas-CVAkull senaĠunju 2011
meters tat-taxismeters elettroniċikull senaĠunju 2011
apparat li jkejjel likwidi għajr ilma pompi tal-petrolkull senaĠunju 2011
mwieżen u strumenti ta' kejl mhux awtomatiċigħall-kejl bl-imnut u bl-ingrosskull ħames sninSettembru 2011
għall-kejl ta' oġġetti ta' valurkull tliet sninSettembru 2011
mwieżen u strumenti ta' kejl awtomatiċimagni għall-ibbotttiljar tal-gasskull senaMejju 2011
mwieżen diġitali jew elettroniċikull ħames sninSettembru 2011
mwieżen għall-użin ta' vetturi tqal u mgħobbijinkull senaSettembru 2011
catchweigherskull sentejnSettembru 2011

.

Tħabbar ukoll li minn Jannar 2012 se jibdew isiru spezzjonijiet fuq l-ippakkeġġjar tal-ikel, likwidi, minerali u deterġenti. Kull prodott ippakkeġġjat ikollu l-marka 'e' qrib l-indikazzjoni tal-piż jew tal-volum. Huma ħafna l-manifatturi lokali ta' prodotti pakkeġġjati li jużaw il-marka 'e' biex jindikaw li l-prodott tagħhom kien ippakkeġġjat kif suppost u li l-volum u l-piż jaqbel ma' dak indikat fuq il-pakkett.

Madanakollu f'pajjiżna, sa issa, ma kellniex leġislazzjoni li tirregola din is-sistema fejn dawk li jużaw din il-marka jridu jżommu records ta' kull lott kif ukoll kif ħadmu l-valur indikat fuq l-ippakkeġġjar.

Permezz ta' avviż legali li se jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2012, il-manifatturi se jkollhom l-obbligu li jżommu din l-informazzjoni biex tiġi verifikata mill-uffiċjali tal-Awtorità kompetenti. B'hekk il-konsumatur se jkollu livell ieħor ta' protezzjoni għaliex ikun jista' jserraħ rasu li dak li jkun qed iħallas għalih, ikun verament qed jieħdu.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar li f'qasir żmien dawn il-kompetenzi kollha se jaqgħu taħt l-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Id-dibattitu fil-Parlament dwar l-abbozz ta' liġi li jwaqqaf din l-Awtorità jinsab fl-istadju ta' kumitat.

Għal aktar informazzjoni dwar il-metroloġija legali u dwar l-abbozz tal-Avviż Legali fuq l-ippakkeġġjar tista' tintbagħat email lill-Awtorità Maltija għall-Istandards (MSA) fuq info@msa.org.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow