2131 FAMILJA JGAWDU MINN TNAQQIS MIT-TAXXA GĦAX JIBAGĦTU T-TFAL F’CHILDCARE CENTRES
Matul l-aħħar sentejn, 2131 taxpayer gawdew minn tnaqqis fit-taxxa tad-dħul sa €1,000 b'rabta mal-ispejjez biex jibagħtu lill-uliedhom f'child care centre. Filfatt, kien hemm 913 benefiċjarji fl-2008 u 1,218 fl-2010.
Din l-iskema kienet introdotta mill-Gvern fil-baġit biex aktar familji jkunu jistgħu jsibu bilanċ xieraq bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja. Dan huwa wkoll benefiċċju li jsaħħaħ il-politika tal-Gvern biex aktar persuni, speċjalment nisa, jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.
Din l-iskema tappoġġja wkoll il-benefiċċju ta' sena bla taxxa għal dawk in-nisa li jibqgħu jaħdmu wara li jkollhom tarbija. Is-sena l-oħra kien hemm 3,020 mara li daħlu lura għax-xogħol u gawdew minn l-iskema ta' sena bla taxxa, kif ukoll 166 mara li gawdew mill-iskema li jidħlu lura għax-xogħol wara nuqqas ta' ħames snin. Dan ifisser li b'kollox, 7,521 omm jew mara ingħataw tnaqqis fl-income tax għaliex daħlu lura f'impjieg jew baqgħu f'impjieg. Huma gawdew bejniethom €7.4 miljun.
F'dawn l-aħħar snin sar investiment qawwi mill-Gvern fil-qasam taċ-Child Care Centres. Fl-2008 infetħu ċentri ġodda fil-Għargħur, Raħal Ġdid u Ħal Luqa. Fl-2009 infetaħ ċentru ieħor fil-Qawra u fl-MCAST. Is-sena li għaddiet infetħu ċentri f'Bormla, is-Siġġiewi u Pembroke u għal din is-sena se jinfetħu żewġ ċentri oħra fil-Floriana u Santa Venera.
Barra minn dan il-Malta Enterprise fetħet ċentru ta' Child Care f'Bulebel, filwaqt li qed taħdem biex tiftaħ oħrajn f'Ħal Far, Kordin, il-Mosta, u x-Xewkija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003