Left arrow Go Back

IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JTEMM IŻ-ŻJARA TIEGĦU FIL-KULLEĠĠ SAN TUMAS MORE

pr0209
Date Icon 04/02/2011

"L-edukazzjoni soda hija importanti sabiex jinħolqu ċittadini sodi għall-futur tal-pajjiż." Dan qalu l-President George Abela meta dalgħodu kompla jżur iktar skejjel li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Tumas More. 

F'din iż-żjara l-President Abela ngħata merħba permezz ta' programmi mħejjin għall-okkażjoni mill-istudenti u l-għalliema.  B'dan il-mod il-President George Abela seta' jiltaqa' mal-istudenti li kantaw, qraw poeżiji, żifnu u ħadu sehem fi drammi u attivitajiet sportivi mħejjin apposta u dan bil-għan biex jippreżentaw l-iskejjel rispettivi tagħhom.  Il-President żar ukoll xi klassijiet waqt il-lezzjonijiet tagħhom u ddiskuta xi suġġetti li fih kienu qed jitħarrġu dak il-ħin. F'xi skejjel ġie wkoll ippreżentat b'donazzjoni għall-Malta Community Chest Fund li tant hija għall-qalb il-President u s-Sinjura tiegħu.

Il-President Abela wera l-pjaċir tiegħu jiltaqa' mal-istudenti ta' kull età kemm iċ-ċkejknin tal-Kinder u dawk tal-Primarja kif ukoll dawk tas-Sekondarja.  Il-President kellu kliem ta' tifiħir għad-dedikazzjoni tal-għalliema u għall-edukazzjoni sħiħa u l-inizjattivi extra-kurrikulari li l-istudenti qegħdin jirċievu sabiex verament jrawmu personalità.  Żied jgħid li l-ambjent fejn isir it-tagħlim huwa importanti imma l-iskola mhux magħmula biss mill-bini iżda mill-ħidma fejjieda tal-għalliema u l-impenn tal-istudenti. Huwa wera x-xewqa li jkompli jżur l-iskejjel kollha sabiex, fi kliemu, bħala Kap ta' Stat, juri l-importanza li għandha tingħata lill-edukazzjoni li fuqha nibnu s-sisien ta' futur sabiħ għall-pajjiżna bl-aħjar ċittadini. F'kull skola, il-President ippreżenta numru ta' kotba għal-libreriji rispettivi sabiex jitgawdew mill-istudenti.

Dan huwa s-seba' Kulleġġ li l-President żar, liema żjara bdiet nhar il-Ġimgħa 25 ta' Jannar, fejn żar l-iskola Primarja ta' Ħal Tarxien, l-iskola Sekondarja tas-Subien f'Raħal Ġdid, l-iskejjel Primarji A u B fil-Fgura u l-Iskola Primarja ta' Wied il-Għajn.  Iż-żjara ntemmet illum billi żar dawn l-iskejjel: il-Junior Lyceum tas-Subien, fil-Ħamrun, il-Junior Lyceum tal-Bniet fiż-Żejtun, l-iskola Primarja A u B taż-Żejtun u l-iskola Primarja ta' Marsaxlokk.

Il-President George Abela kien akkumpanjat mill-Prinċipal tal-Kulleġġ is-Sinjura Josephine Mifsud.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow