66 FIL-MIJA TAL-WI-FI HOTSPOTS F’POSTIJIET PUBBLIĊI DIĠÀ TWAĦĦLU U QED JAĦDMU
Fix-xhur li għaddew kienu installati numru ta' WiFi hotspots f'postijiet pubbliċi biex ikun provdut internet bla fili b'xejn lil kulħadd. Dan grazzi għal ftehim milħuq bejn is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali (DLG) u l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA).
Minn total ta' 73 access point differenti sa issa twaħħlu 48 bl-aktar tnejn riċenti jkunu dawk ta' San Ġwann u tar-Rabat f'Malta li tlestew din il-ġimgħa. Dan ifisser li 66 fil-mija tal-Wi-Fi hotspots li kellhom isiru permezz ta' dan il-proġett diġà twaħħlu u qed jintużaw. Il-bqija se jkunu installati fil-ġimgħat li ġejjin.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Chris Said, fil-preżenza tad-Direttur tal-Gvern Lokali, Carmel Abela, tas-Sindku tan-Naxxar, Maria Fatima Deguara, u tas-Senior Manager, Information Society Services fl-MCA, Bernard Agius. Fin-Naxxar il-WiFi access point jinsab fi Ġnien Toni Vella.
Chris Said qal li l-għan ta' din l-inizjattiva li qed issir bi sħab mal-Kunsilli Lokali hu li jiżdied l-aċċess b'xejn għall-internet permezz tal-WiFi. Fi 12-il post pubbliku f'daqstant lokalitajiet differenti fejn l-internet bla fili ilu jaħdem għal mill-anqas erba' xhur, kien reġistrat użu tajjeb. Bejn Ottubru u Diċembru 2011 aktar minn 12,000 ruħ użaw access points differenti. L-aktar użat kien dak tal-Mosta b'4,901 user differenti. Is-servizz tal-WiFi b'xejn intużaw ħafna wkoll dawk f'Ħaż Żebbuġ, f'Birżebbugia u fir-Rabat Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan il-proġett jikkumplimenta numru ta' proġetti u servizzi oħra li l-Gvern qed jipprovdi lill-pubbliku fil-qasam tal-IT fosthom il-Gvern Elettroniku. Hu fakkar fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li kien ippubblikat f'Diċembru li għadda u li jpoġġi lil Malta fl-ewwel post fl-Ewropa f'dawk li huma servizzi elettroniċi offruti mill-Gvern.
Ir-riżultati juru liema kienu l-aħjar pajjiżi li implimentaw l-aktar servizzi elettroniċi b'mod tajjeb biex l-ekonomiji tagħhom ikomplu jikbru. Malta kisbet il-100% tal-punti f'ħames minn sitt indikaturi li kienu mkejla f'dan l-istħarriġ. L-istħarriġ sar fi 32 pajjiż fosthom is-27 tal-UE.
Chris Said qal li dawn ir-riżultati huma xhieda tal-ħidma tal-Gvern, tal-MITA u tal-istakeholders kollha, inkluż tas-settur privat matul il-11-il sena li għaddew.
Is-Sindku tan-Naxxar, Maria Fatima Deguara, qalet li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar jidħol għal kull inizjattiva favur aktar aċċessibilita' elettronika. Minbarra l-installazzjoni ta' WiFi b'xejn, fil-ġimgħat li ġejjin il-Kunsill Lokali Naxxar se jorganizza korsijiet E-Biz immirati għal min qiegħed fin-negozju. Permezz ta' dawn il-korsijiet is-sidien tan-negozji se jitħarrġu biex min ikun hu interessat jibda joffri l-prodotti tiegħu anki fuq l-internet u b'hekk iwessa' l-bażi tal-konsumaturi tiegħu.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003