TISBIĦ U TINDIF FUQ WIĊĊ L-GĦOLJA T'GĦAR ILMA F’SANTA LUĊIJA F’GĦAWDEX
Il-Kumitat Amministrattiv ta’ Santa Luċija f’Ta’ Kerċem qed igawdi mill-Iskema ta’ Finanzjament għall-Proġetti minn Kumitati Amministrattivi amministrata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali sabiex jiġi rranġat wiċċ l-għolja t'Għar Ilma. Dawn il-fondi diġa’ qed jintuzaw billi qed isir xogħol mill-ħaddiema ta' l-IPSL.
Il-proġett jinvolvi l-irranġar ta’ bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, liema xogħol diġa’ beda u jinsab fi stat avvanzat. Qed isir ukoll it-tindif tat-terrapien li kien jintefa’ fuq din l-għolja. L-għan ta’ dan it-tisbiħ hu li f’qasir żmien dan is-sit jiġi żviluppat f’forma ta’ mixja u belvedere li jista’ jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha. Minħabba li l-għolja ta’ Għar Ilma hija wkoll iffrekwentata mit-turisti li jkunu għaddejjin bil-mixi mir-Rabat għad-Dwejra, tista’ titqies bħala post turistiku.
Waqt żjara li għamel fil-post is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan il-proġett hu biss wieħed minn 13-il proġett f’komunitajiet żgħar li qed isiru permezz tal-iskema amministrata mis-Segretarjat Parlamentari. Hu qal li l-proġetti magħżula kienu dawk li l-aktar se jħallu impatt pożittiv, dirett u effettiv fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’dawn il-komunitajiet.
Il-proġetti ivarjaw minn tisbiħ u manutenzjoni ta’ ġonna u spazji pubbliċi, irranġar ta’ toroq, riabilitazzjoni ta’ zoni rurali, u t-tfassil ta’ pjani ta’ mmanniġġjar aħjar tat-traffiku. F’uħud mill-proġetti, il-Kumitati Amminstrattivi se jieħdu miżuri biex tiżdied is-sigurtà filwaqt li f’oħrajn se tintuża enerġija alternattiva.
Chris Said qal li ż-żelu li wrew il-Kumitat Amministrattivi fit-tfassil ta’ proġetti ta’ fejda għall-komunitajiet li jirrappreżentaw hu indikatur tal-valur tagħhom. Il-Kumitati Amministrattivi kienu introdotti bħala parti mit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali. Dawn ilhom jaħdmu biss ftit xhur u ħafna minnhom diġa’ rnexxielhom jidentifikaw oqsma li fihom jistgħu jkunu ta’ ġid għar-residenti li jirrappreżentaw.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali u lill-Kumitati Amministrattivi biex ikomplu jaħdmu id f’id għall-ġid tar-residenti u l-lokalitajiet tagħhom. F’Malta u f’Għawdex hawn 16-il Kumitat Amministrattiv. Dawn jirrappreżentaw komunitajiet żgħar u distinti fi ħdan lokalitajiet ferm akbar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003