Left arrow Go Back

TISBIĦ U TINDIF FUQ WIĊĊ L-GĦOLJA T'GĦAR ILMA F’SANTA LUĊIJA F’GĦAWDEX

pr0196
Date Icon 03/02/2011

Il-Kumitat Amministrattiv ta’ Santa Luċija f’Ta’ Kerċem qed igawdi mill-Iskema ta’ Finanzjament għall-Proġetti minn Kumitati Amministrattivi amministrata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali sabiex jiġi rranġat wiċċ l-għolja t'Għar Ilma.  Dawn il-fondi diġa’ qed jintuzaw billi qed isir xogħol mill-ħaddiema ta' l-IPSL.

Il-proġett jinvolvi l-irranġar ta’ bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, liema xogħol diġa’ beda u jinsab fi stat avvanzat. Qed isir ukoll it-tindif tat-terrapien li kien jintefa’ fuq din l-għolja.  L-għan ta’ dan it-tisbiħ hu li f’qasir żmien dan is-sit jiġi żviluppat f’forma ta’ mixja u belvedere li jista’ jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha. Minħabba li l-għolja ta’ Għar Ilma hija wkoll iffrekwentata mit-turisti li jkunu għaddejjin bil-mixi mir-Rabat għad-Dwejra, tista’ titqies bħala post turistiku.

Waqt żjara li għamel fil-post is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan il-proġett hu biss wieħed minn 13-il proġett f’komunitajiet żgħar li qed isiru permezz tal-iskema amministrata mis-Segretarjat Parlamentari. Hu qal li l-proġetti magħżula kienu dawk li l-aktar se jħallu impatt pożittiv, dirett u effettiv fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’dawn il-komunitajiet.

Il-proġetti ivarjaw minn tisbiħ u manutenzjoni ta’ ġonna u spazji pubbliċi, irranġar ta’ toroq, riabilitazzjoni ta’ zoni rurali, u t-tfassil ta’ pjani ta’ mmanniġġjar aħjar tat-traffiku. F’uħud mill-proġetti, il-Kumitati Amminstrattivi se jieħdu miżuri biex tiżdied is-sigurtà filwaqt li f’oħrajn se tintuża enerġija alternattiva.

Chris Said qal li ż-żelu li wrew il-Kumitat Amministrattivi fit-tfassil ta’ proġetti ta’ fejda għall-komunitajiet li jirrappreżentaw hu indikatur tal-valur tagħhom. Il-Kumitati Amministrattivi kienu introdotti bħala parti mit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali. Dawn ilhom jaħdmu biss ftit xhur u ħafna minnhom diġa’ rnexxielhom jidentifikaw oqsma li fihom jistgħu jkunu ta’ ġid għar-residenti li jirrappreżentaw.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali u lill-Kumitati Amministrattivi biex ikomplu jaħdmu id f’id għall-ġid tar-residenti u l-lokalitajiet tagħhom. F’Malta u f’Għawdex hawn 16-il Kumitat Amministrattiv. Dawn jirrappreżentaw komunitajiet żgħar u distinti fi ħdan lokalitajiet ferm akbar.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow