PROĠETT PILOTA B’SINJALI TAT-TRAFFIKU BI DWAL LED LI JAĦDMU B’ENERĠIJA RINOVABBLI
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard nieda proġett pilota bi sħab mal-kumpanija Smart Light Systems li permezz tagħha se jkun qed iħaddem sinjali tat-traffiku bi dwal LED u li jaħdmu bl-enerġija tax-xemx. Dawn id-dwal kienu installati fuq pedestrian crossing fi Triq il-Mosta li hi waħda mit-toroq l-aktar traffikużi fil-lokalità u li tinsab ftit metri ’l bogħod mid-daħla ewlenija tal-Iskola Primarja San Nikola.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said, mill-Viċi Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina u minn Jonathan J. Borg, direttur ta’ Smart Light Systems.
Id-dwal LED jikkunsmaw mill-anqas. It-teknoloġija tal-LEDs hi meqjusa bħala l-aktar avvanzata u dawn id-dwal li se jitwaħħlu f’Ħ’Attard se jkunu qed jinxtegħlu b’enerġija ġġenerata mid-dawl tax-xemx. Dan ifisser li mhux se jkunu qed iżidu mal-emmissjonijiet tossiċi fl-arja. Id-dwal huma smart għaliex jixegħlu awtomatikament hekk kif id-dawl naturali jitbaxxa taħt ċertu livell.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard hu xempju ta’ kif Kunsill Lokali għandu jaħdem fil-qasam tal-ambjent b’numru ta’ inizjattivi li ħa fl-aħħar snin. Permezz ta’ skema għal inizjattivi u proġetti fil-qasam tal-enerġija alternattiva, il-Gvern irnexxielu jixpruna l-Kunsilli Lokali biex iwettqu proġetti ambjentali.
Fost l-oħrajn, fl-2009, l-Iskema għall-Enerġija Alternattiva għenet 44 Kunsill Lokali biex jinstallaw pannelli foto-voltaiċi jew solar water-heaters. Grazzi għal dawn il-proġetti hu stmat li dawn il-Kunsilli Lokali bejniethom se jkunu qed jiffrankaw 125,000 Ewro f’konsum tad-dawl. Chris Said qal ukoll li ftit tal-jiem oħra se jitħabbru l-ismijiet ta’ 29 Kunsill Lokali li bejniethom, matul l-2011, se jirċevu 200,000 Ewro biex iwettqu 33 proġett differenti taħt l-istess skema tal-enerġija.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-għan prinċipali ta’ din l-iskema hu li permezz tagħha numru ta’ Kunsilli Lokali jidħlu għal inizjattivi favur użu anqas ta’ enerġija u ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi nodfa. Dawn huma wkoll meqjusa bħala miżuri konkreti favur żvilupp sostenibbli fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Dawn l-inizjattivi mhux biss jgħinu lill-Kunsilli Lokali jiffrankaw mill-kontijiet tal-enerġija u jużaw il-flus iffrankati fuq inizjattivi oħra, iżda wkoll għandhom iservu ta’ eżempju għar-residenti kollha tal-lokalità u jgħinu biex l-istess residenti jieħdu huma wkoll inizjattivi.
Il-Viċi Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina fisser dan il-proġett tal-Kunsill Lokali Ħ’Attard bħala wieħed minn sensiela ta’ inizjattivi ambjentali li saru fil-lokalità mill-Kunsill Lokali. Hu semma li l-Kunsill Lokali diġà installa sistema foto-voltaika fuq il-bini tal-Iskola Primarja Tumas Dingli Kulleġġ San Nikola biex jiġġenera l-elettriku. Hu qal ukoll li grazzi għall-ħidma tal-Kunsill Lokali, il-komunità ta’ Ħ’Attard qed jirnexxielha timplimenta l-istrateġija għall-immaniġġjar tal-iskart b’suċċess tant li r-residenti ta’ din il-lokalità jisseparaw 0.78 kg ta’ skart riċiklabbli kull wieħed fil-ġimgħa. Dan ifisser aktar mid-doppju tal-medja nazzjonali. Hu stmat li f’Ħ’Attard, kull ġimgħa, jinġabru medja ta’ 2.5 tunnellati ta’ ħġieġ, 4.9 tunnellati ta’ karta, 3.4 tunnellati ta’ plastik u tunnellata ta’ metall.
Stefan Cordina qal li permezz ta’ dan il-proġett pilota b’sinjali tat-traffiku b’dawl LED, il-Kunsill Lokali se jkun qed jirnexxielu jtejjeb is-sigurtà fit-toroq tal-lokalità filwaqt li ma jżidx l-emissjonijiet tossiċi.
Jonathan J. Borg qal li l-LEDs li se jintużaw f’dan il-proġett pilota kienu riċerkati u disinjati f’Malta. Din hi l-ewwel darba li l-kumpanija ddisinjat dwal LED għal sinjali tat-traffiku. Hu qal ukoll li anki li kieku dawn id-dwal LED kienu jitqabbdu mal-qafas nazzjonali tal-Enemalta, kienu jikkunsmaw mill-anqas – anqas minn 0.8W. Parti mill-proġett, il-kumpanija ħadet ħsieb ukoll li tassigura li s-sinjali tat-traffiku jkunu aktar viżibbli billi għolliet il-pilastru għal tliet metri mill-art.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003