NINVESTU FIN-NEGOZJI TAGĦNA PERMEZZ TAL-EDUKAZZJONI
L-ispirtu ta’ intraprenditorija huwa l-mutur li jħaddem is-settur tan-negozju ta’ pajjiżna. Illum ġiet imnedija l-iskema Entrepreneurship through Education mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi. Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern qed iħares li jkompli jinvesti f’dan il-qasam biex iżjed żgħażagħ jitgħallmu dwar u jiksbu l-ħiliet neċessarji llum, biex jidħlu fid-dinja tan-negozju għada.
L-iskema Entrepreneurship through Education hija inizjattiva tal-Budget, frott ta’ kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. L-iskema ser tpoġġi €100,000 f’fondi għad-dispożizzjoni tal-iskejjel Pubbliċi, Privati u tal-Knisja biex joħolqu proġetti u inizjattivi dwar l-Intraprenditorija, li minnhom it-tfal jitgħallmu iżjed dwar id-dinja tan-negozju.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, qalet li llum qed inwettqu miżura oħra mħabbra fl-aħħar Baġit bl-iskop li permezz tal-edukazzjoni jkabbar u jiżviluppa spirtu imprenditorjali fit-tfal tagħna.
Hija qalet li b’edukazzjoni imprenditorjali nifhmu t-tagħlim li jagħti lill-istudenti l-għarfien, il-ħila u l-motivazzjoni biex joħorġu b’ideat kreattivi u innovattivi u jpoġġuhom fil-prattika. Dan it-taħriġ jista’ jwassalhom biex ikunu managers tajbin, jiftħu n-negozju tagħhom jew jekk ikunu impjegati jew impenjati f’xi organizzazzjoni, imqar jekk din ma jkollhiex skop ta’ qliegħ, jagħmlu affarijiet b’mod effiċjenti.
Il-Ministru Cristina qalet li sal-lum, fis-sistema edukattiva tagħna fil-livell primarju u sekondarju, kellna xi inizjattivi li esponew lill-istudenti għall-ambjent tax-xogħol f’diversi setturi. L-importanza li bniedem ikun intraprendenti tkun enfasizzata b’mod ġenerali fl-istudju ta’ ċerti suġġetti. Hija kompliet li din hija opportunita konkreta, biex nagħtu lill-istudenti edukazzjoni imprenditorjali.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003