STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA
Il-parteċipazzjoni qawwija ta’ ġenituri u għalliema għal laqgħat ta’ informazzjoni li d-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni qed jorganizza biex jagħti informazzjoni dwar is-sistema l-ġdida ta’ assessjar fi tmiem il-primarja, jixhdu l-interess kbir f’din ir-riforma li qed tintlaqa’ b’mod pożittiv.
Din ir-riforma bdiet sentejn ilu meta tneħħiet is-sistema ta’ l-istreaming mill-ħames sena tal-primarja u s-sena ta’ wara din is-sistema tneħħiet ukoll mis-sitt sena. F’Ġunju li għadda sar għall-aħħar darba l-eżami tal-Junior Lyceum u tal-Common Entrance. F’dawn is-sentejn sar xogħol mal-għalliema kollha tas-sitt sena bi preparazzjoni għad-dħul tas-sistema l-ġdida ta’ assessjar fi tmiem il-primarja.
Ħafna mid-deċiżjonijiet ittieħdu mal-għalliema nfushom f’numru ta’ laqgħat. Matul dawn il-laqgħat ħarġu numru ta’ suġġimenti u ideat li d-Direttorat ikkunsidra bir-reqqa fit-tfassil tar-riforma.
Twaqqaf Kumitat minn rappreżentanti tal-Iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk Indipendenti u l-aspetti kollha tas-sistema l-ġdida kienu diskussi flimkien u dwarhom kien hemm qbil mill-partijiet kollha.
Gruppi ta’ għalliema tas-sitt sena iltaqgħu u għamlu suġġimenti dwar x’forma għandu jieħu il-metodu l-ġdid ta’ assessjar u l-kontenut li għandu jkun fih. Dawn is-suġġimenti marru għand timijiet ta’ esperti edukattivi mill-Fakulta tal-Edukazzjoni tal-Università u t-tliet setturi li ħolqu l-mudell tal-karti tal-eżamijiet.
Fil-parti tas-smiegħ u t-taħdit ta’ dan l-assessjar sar ħafna xogħol fl-iskejjel ma’ studenti u minn din l-inizjattiva li damet għaddejja aktar minn sena, inbnew riżorsi għall-għalliema li ntużaw waqt sessjonijiet ta’ taħriġ li saru tul l-aħħar sentejn. Dawn ir-riżorsi tpoġġew fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Kurrikulu u ngħataw ukoll lill-ġenituri u lill-membri tal-pubbliku waqt il-laqgħat li qed isiru bħalissa.
Minn meta tħabbret ir-riforma fl-assessjar diġa saru 23 laqgħa fil-kulleġġi kollha u fl-Università u anke laqgħat għall-pubbliku in ġenerali u għad fadal isiru laqgħat oħra għall-ġenituri tat-tfal u l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, liema laqgħat se jsiru matul il-ġimgħa d-dieħla.
Is-suġġerimenti u l-kummenti li jsiru matul dawn il-laqgħat qed jinġabru u jiġu kkunsidrati waqt li jkun qed jitfassal l-assessjar proprju li se jsir f’Ġunju li ġej.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja innota b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni qawwija f’dawn il-laqgħat u l-apprezzament li wrew bosta ġenituri għat-tibil li se jsir.
Diġa hemm ippjanati numru ta’ laqgħat oħra mal-għalliema u l-ġenituri li se jiffukaw fuq kif se tkun l-esperjenza fl-iskejjel sekondarji minn Settembru li ġej meta t-tfal tal-Form I imorru fl-istess skola fil-Kulleġġ tagħhom u ma jibqgħux mifruda f’Junior Lyceums u Area Secondaries.
Dan juri kemm kuntrarjament għall-kritika tal-kelliem tal-Oppożizzjoni, Evarist Bartolo, li dan il-proċess ta’ riforma qed isir bla ppjanar u qed jiddaħħal b’mod mgħaġġel, m’hix ġustifikata. Anqas ma hu ġustifikat jingħad li l-għalliema mhux preparati għal dan it-tibdil. Saru numru ta’ laqgħat u sessjonijiet ta’ taħriġ għall-għalliema tas-sitt sena li ppreparawhom għat-tibdil ippjanat. Il-Ministeru hu fiduċjuż li l-għalliema professjonali tagħna huma kapaċi li jmexxu dan il-proċess b’effiċjenza biex minnu joħroġ is-suċċess li kulħadd jixtieq.
Sadattant il-Ministeru innota b’sodisfazzjon ir-reazzjoni pożittiva tal-Alternattiva Demokratika li laqgħet bil-ferħa is-sistema l-ġdida tal-assessjar u l-mod kif qed jaħdmu l-Kulleġġi tagħna u sostniet li b’din ir-riforma ma għadniex nifirdu lit-tfal u m’għadniex nittratawhom b’mod differenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003