PROGRAMM TA’ ATTIVITAJIET BIEX JITFAKKAR IL-50 ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAL-KUNSILL ĊIVIKU GĦAL GĦAWDEX
Il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex, l-ewwel tip ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna, se jitfakkar permezz ta’ numru ta’ attivitajiet li se jkunu organizzati bejn April u Lulju li ġej. Din l-inizjattiva qed tittieħed mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali li waqqaf Kumitat Organizzattiv biex jikkordina il-kommemorazzjoni ta’ dan l-avveniment storiku.
L-attivitajiet jinkludu konferenza, wirja, u pubblikazzjoni ta’ ktieb kommemorattiv. L-għan ewlieni ta’ dawn l-attivitajiet se jkun mhux biss li jitfakkar il-Kunsill Ċiviku għal Għawdex iżda wkoll li tingħata ħarsa lejn il-futur ta’ Għawdex bħala gżira-reġjun.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, Chris Said, ta d-dettalji tal-attivitajiet waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza flimkien maċ-Chairman tal-Kumitat Anton Tabone.
Il-Kunsill Ċiviku għal Għawdex kien introdott b’Ordinanza XI dwar Gvern Lokali fl-14 ta’ April 1961. L-ewwel Kunsill twaqqaf fl-10 ta Lulju 1961 u kien magħmul minn 15 il-kunsillier fosthom Dr Anton Tabone bħala President u Mr Anton Buttigieg bħala Viċi-President. L-għan tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex kien li jeżerċita kontroll effettiv fuq l-amministrazzjoni u l-ekonomija tal-gżira Għawdxija. Il-Kunsill Ċiviku ħadem għal 13-il sena sħaħ sakemm dan kien xolt mill-Gvern fl-1973.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said spjega li t-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex jirrappreżenta ġrajja importanti fl-istorja politika Għawdxija. Wara 143 sena (1819-1961) li matulu Għawdex kien jitmexxa minn Malta, fl-1961 Għawdex kien ingħata amministrazzjoni semi-awtonoma. Permezz tal-ħidma ta’ dan il-Kunsill Ċiviku, Għawdex kien ingħata l-aħjar tip ta’ Gvern Lokali possibbli u li kien strumentali fit-titjib ġenerali u fl-immodernizzar tal-gżira.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar kif wara l-bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż fl-1987, il-Gvern il-ġdid stabbilixxa Ministeru għal Għawdex li sa ċertu punt kien ifisser ammont ta’ awtonomija amministrattiva. Dan il-pass assigura wkoll post fil-Kabinett tal-Gvern Malti għal gżira Għawdxija. Ta’ min isemmi li l-ewwel Ministru għal Għawdex kien Anton Tabone, iben Dr. Anton Tabone – fundatur tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex.
Chris Said fakkar ukoll kif fl-1993, 20 sena wara li dan il-Kunsill Ċiviku kien xolt, il-Gvern kien introduċa l-Kunsilli Lokali. Dan kien esperiment, ispirat mill-prinċipju tas-sussidjarjetà u li fisser ukoll l-estensjoni tal-kunċett tal-Kunsill Lokali għal Għawdex għal diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Bl-egħluq tan-negozjati għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Għawdex ingħata l-għarfien bħala gżira-reġjun. Dikjarazzjoni li tispeċifika l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Għawdex kienet annessa mat-Trattat tas-Sħubija.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said irrefera wkoll għall-aktar żviluppi riċenti b’mod partikolari għat-twaqqif tal-Kumitati Reġjonali għal Għawdex – wieħed minn ħamsa fil-gżejjer Maltin – li jirrappreżenta lill-Kunsilli Lokali Għawdxin.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv Anton Tabone qal li l-aħjar mod kif dan l-avveniment storiku jista’ jitfakkar huwa billi nħarsu ‘l quddiem fuq x’tagħlimiet wieħed jista’ jakkwista mill-esperjenzi tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex. Hu fisser il-ħtieġa li l-attivitajiet ta’ kommemorazzjoni jilħqu lill-pajjiz kollu għax il-Kunsill Ċiviku, għalkemm kien jitħaddem speċifikament fil-gżira ta’ Għawdex, kien ukoll żvilupp istituzzjonali li serva u interessa lill-Malta wkoll.
Anton Tabone qal li dan il-Kunsill kien ikopri lil Għawdex kollu u li permezz t’hekk daħħal il-kuncett ta’ awtonomija reġjonali fl-amministrazzjoni tal-gżira kif ukoll fil-konsiderazzjonijiet nazzjonali li jirrigwardawha. B’hekk Għawdex kien ingħata għodda u leħen li seta’ jużahom għall-benefiċċju ta’ l-iżvilupp tiegħu u ta’ niesu, kif ukoll servew ta’ kontribut fl-interess nazzjonali.
Anton Tabone irrefera għall-iżvilupp infrastrutturali li seħħ f’Għawdex fi żmien il-Kunsill, jew li jaf il-bidu tiegħu fi żmienu, ukoll bl-assistenza tal-Gvern Centrali, kien jikkonsisti f’diversi proġetti kbar bħall-port ta’ l-Imġarr; il-bini ta’ sptar ġdid; il-bini ta’ l-ewwel fabbriki fil-gżira; l-impjant ta’ desalinazzjoni; l-impjant tat-tarmak; l-ewwel bini ta’ ‘housing’; estensjonijiet ta’ servizzi ta’ l-ilma, tad-drenaġġ u tal-elettriku kif ukoll servizzi ġodda fl-isptar u l-bqija.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ingħalqet mill-President tar-Reġjun ta’ Ghawdex Samuel Azzopardi, li ukoll irringrazzja lill-Gvern li permezz tas-Segretarju Parlamentari Chris Said qed jagħti l-opportunità biex jitfakkar dan il-Kunsill Ċiviku li tant kien siewi u ta’ ġid għal Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003