Left arrow Go Back

DELEGAZZJONI MALTIJA TATTENDI GĦAL-EWWEL SESSJONI TAL-2011 TAL-ASSEMBLEA PARLAMENTARI TAL-KUNSILL TAL-EWROPA

pr0166
Date Icon 29/01/2011

L-Onor Francis Agius MP mexxa delegazzjoni parlamentari li attendiet għal-ewwel sessjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li ltaqgħet fi Strasburgu bejn l-24 u t-28 ta’ Jannar 2011. 

Kif inhi l-prassi, fl-ewwel seduta fil-bidu ta’ kull sena, l-Assemblea tikkonsidra r-ratifika tad-delegazzjonijiet nazzjonali tas-47 Pajjiż Membru. F’dan l-istadju, l-kredenzjali tad-delegazzjonijiet nazzjonali tas-Serbia, Montenegro u San Marino ġew kontestati.  Ir-raġuni għal dan kien id-dħul fis-seħħ ta’ provvediment ġdid fir-regoli ta’ proċedura tal-Assemblea li jeżiġi li mill-inqas Membru fuq id-delegazzjoni irid ikun tas-sess femminili.  Id-delegazzjoni Maltija ma ġietx kontestata wara li bis-saħħa ta’ mozzjoni mgħoddija b’vot unanimu mill-Parlament Malti nhar l-Erbgħa 19 ta’ Jannar 2011, il-Ministru għal-Għawdex l-Onor Giovanna Debono MP, ġiet appuntata bħala Membru minflok l-Onor Roberta Arrigo MP.  Dan ifisser li bħalissa d-delegazzjoni Maltija hija komposta mill-:

Onor Francis Agius MP,  Kap tad-delegazzjoni

Onor Giovanna Debono MP, Membru

Onor Joseph Debono Grech MP, Membru

Onor Joseph Falzon MP, Membru Sostitut

Onor Beppe Fenech Adami MP, Membru Sostitut

Onor Marie Louise Coleiro Preca MP, Membru Sostitut

Għal din is-sessjoni l-Onor Beppe Fenech Adami MP kien qed jissostitwixxi lill-Onor Giovanna Debono MP li ma setgħetx tattendi minħabba impenji ta’ xogħol.

Il-proċedura tal-Assemblea Parlamentari tipprovdi wkoll biex fil-bidu ta’ kull sessjoni, jitressqu talbiet għal diskussjoni fuq kwestjonijiet urġenti.  Din id-darba ntlaqgħu tliet talbiet. Dawn kienu jirrigwardaw l-incidenti riċenti ta’ vjolenza kontra l-Kristjani fil-Lvant Nofsani, is-sitwazzjoni fil-Belarus war l-elezzjoni presidenzjali, u s-sitwazzjoni fit-Tuneżija. 

Barra minn hekk, dejjem bl-iskop li d-dibattiti jkun aġġornati u ta’ rilevanza għal dak kollu li jkun qed iseħħ fil-mument, f’kull sessjoni l-Assemblea talloka ħin għal diskussjoni fuq ġrajjiet kurrenti.  Din id-darba l-Membri preżenti ddeċidew li jiddiskutu t-tħaddim tad-demokrazija fl-Ungerija.  Materji oħra li kienu fuq l-aġenda ta’ din is-sessjoni kienu jinkludu t-trattament inuman tal-persuni u t-traffikar ta’ organi fil-Kosovo, il-protezzjoni tas-sorsi ta' informazzjoni tal-ġurnalisti u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Matul il-ġimgħa l-Membri preżenti kellhom l-opportunita’ jisimgħu indirizzi u jagħmlu domandi lill-President tat-Turkija, l-ET Abdullah Gül, il-President tas-Serbia, l-ET Boris Tadic u l-President tar-Rumanija, l-ET Traian Basescu.

L-Onor Agius, l-Onor Debono Grech u l-Onor Fenech Adami f’isem l-Onor Debono ħadu sehem f’votazzjoni sigrieta fl-Assemblea biex ġie elett Dr Paulo Sérgio Pinto de Albuquerque bħala l-imħallef Portugiż fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fuq talba tad-delegazzjoni tal-Georgia, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet mal-Onor Petre Tsiskarishvili, Kap tad-delegazzjoni u l-Onor Akaki Minashvili MP, Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament tal-Georgia.  Huma taw il-veduti tagħhom dwar il-konflitt li għandu pajjiżhom mar-Russja, partikolarment fir-rigward taż-żewġ reġjuni separatisti l-Abkhazia u l-Ossetia.  B’risposta għal mistoqsija li għamel l-Onor Beppe Fenech Adami dwar is-sistema politika mħaddna f’Georgia, l-Onor Minashvili spjega kif wara l-emendi riċenti li saru fil-Kostituzzjoni, fl-elezzjoni li jmiss se jkunu qiegħdin jimxu minn sistema strettament presidenzjali għal waħda iktar parlamentari fejn il-kariga ta’ President tal-pajjiż se tonqsilha l-poter li tgawdi llum.

Id-delegazzjoni Maltija kienet preżenti wkoll għal laqgħa organizzata miċ-Ċentru Ewropew tal-Liġi u l-Ġustizzja u mill-Grupp Politiku tal-Partit Popolari Ewropew li ndirizzat il-fenomenu li tfaċċa dan l-aħħar fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-Insara f’numru ta’ pajjiżi.  Din il-laqgħa saret fl-isfond ta’ numru ta’ dibattiti oħra fuq l-istess suġġett li kienu qiegħdin iseħħu kemm fil-Kumitati kif ukoll fl-Assemblea.

Barra mill-laqgħat tal-gruppi politiċi li għalihom jappartjenu, il-Parlamentari Maltin pparteċipaw ukoll f’numru ta’ Kumitati u laqgħat:

L-Onor Francis Agius ħa sehem fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Politiċi fejn gew diskussi l-aħħar attakki fuq l-Insara fil-Lvant Nofsani, is-sitwazzjoni fil-Belarus, ir-riforma fi hħan il-Kunsill tal-Ewropa u r-rikonċiljazzjoni u djalogu politiku bejn il-pajjizi tal-ex-Jugoslavja. Huwa ħa sehem ukoll fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali, Saħħa u l-Familja, fejn kien nominat/appuntat  Contact Parliamentarian għal Malta dwar il-protezzjoni minn abbuż sesswali fuq it-tfal. L-Onor  Agius ħa sehem ukoll fil-laqgha tal-Kumitat dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fejn fost suġġetti oħra ġew diskussi l-prevenzjoni tal-vjolenza domestika fuq il-mara kif ukoll concept paper sabiex jitwaqqaf European Observatory of Murdered Women.

L-Onor Joseph Debono Grech, kellu laqgħat ma’ rappreżentanti mill-Azerbaijan.  L-Onor Debono Grech inħatar co-rapporteur dwar is-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż fit-18 ta’ Novembru 2009 mill-Kumitat ta’ Moniteraġġ dwar ir-rispett ta’ l-Obbligi u l-Impenji mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa kien ukoll jifforma parti mill-grupp ta’ osservaturi li ntbagħtu f’dan il-pajjiż meta nżammu l-Elezzjonijiet Ġenerali f’Ottubru 2010.

L-Onor Beppe Fenech Adami attenda għal-laqgħat tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali u Drittijiet Umani li fiha ġew diskussi diversi suġġetti u rapporti fosthom is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi fl-Ażerbaijan, is-sitwazzjoni politika fil-Belarus, it-trattament inuman u t-traffikar tal-organi fil-Kosovo u s-sitwazzjoni ekonomika fl-Islanda.

L-Onor Joseph Falzon ħa sehem fil-Kumitat dwar l-Ambjent, l-Agrikoltura u Affarijiet Lokali u Reġjonali fejn fost materji oħra ġew diskussi s-Summit ta’ Cancun dwar il-bdil fil-Klima, il-politika Komuni tas-Sajd u dik Agrikola.  Taħt l-awspiċi ta’ dan l-istess Kumitat, l-Onor Falzon reġa’ ġie maħtur Chairperson tas-Sotto Kumitat għall-Iżvilupp Sostenibbli.

L-Onor Marie Louise Coleiro Preca ħadet sehem fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, Saħħa u l-Familja fejn l-aġenda kienet tinkludi l-ġlieda kontra l-poverta’ u dwar kif jista’ jiġi utilizzat u żviluppat il-potenzjal ta’ persuni anzjani fi ħdan il-komunita' li jgħixu fiha b'sehem attiv fl-istess komunita'.  Hija attendiet ukoll għall-Kumitat tal-Affarijiet Legali u Drittijiet Umani u pparteċipat fid-diskussjoni dwar miżuri li jindirizzaw tnaqqis fl-impiegi għaż-żgħażagħ fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Żvilupp. 

Lista ta’ riżoluzzjonijiet li ġew adottati matul din is-sessjoni tista’ tinkiseb minn fuq dan is-sit:

http://assembly.coe.int/ASP/Doc/ATListingSession_E.asp?IDSession=338

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow