Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAL-UFFIĊINI L-ĠODDA TA’ MICHAEL GRECH FINANCIAL INVESTMENT SERVICES - THE BROKERAGE – RABAT, GĦAWDEX – IL-ĠIMGĦA, 28 TA’ JANNAR 2011

pr0165
Date Icon 28/01/2011

Sur Grech,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Huwa unur għalija nkun hawn magħkom illejla biex flimkien ninawguraw dawn l-uffiċini l-ġodda, daqskemm hu ta’ unur u sodisfazzjon għalikom li qed taraw dan il-proġett jieħu l-ħajja, joħloq ix-xogħol u jsaħħaħ il-potenzjal tal-gżira Għawdxija.

L-inawgurazzjoni tal-lum tikkonferma l-potenzjal ta’ pajjiżna partikularment tal-gżira Għawdxija biex jitkattar l-investiment u x-xogħol, f’oqsma speċjalizzati.

Dawn l-uffiċini l-ġodda ta’ Michael Grech Financial Investment Services ġewwa The Brokerage huwa t-tieni investiment li kelli l-privileġġ ninawgura llum ġewwa Għawdex. 

Dalgħodu żort u inawgurajt investiment fis-settur tal-manifattura b’valur miżjud għoli filwaqt li dan l-investiment tal-lejla fis-settur tas-servizzi jikkonferma d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħna. 

Għawdex joffri potenzjal kbir għall-investiment fis-settur tas-servizzi, fejn it-teknoloġija hi l-qofol ta’ dan is-settur u għalhekk id-distanzi u l-ispazji jsiru irrelevanti.  Hi wkoll il-kapacità tal-ħaddiema, u anki tal-ġmiel ta’ din il-gżira, li jagħmlu differenza.

Il-Gvern immexxi minni jemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija l-akbar investiment li jista’ jagħmel biex ikun ta’ sostenn għas-settur privat.  Il-Gvern qiegħed jinvesti kemm fiċ-Ċentru għal Għawdex tal-Università ta’ Malta kif ukoll fl-MCAST f’Għawdex.  L-MCAST f’Għawdex qed joffri, fost l-oħrajn, korsijiet f’Diploma in Accountancy u Diploma in Banking and Financial Services minn ġewwa Għawdex.  Hekk tinħoloq sinerġija bejn l-edukazzjoni, id-dinja tax-xogħol u l-investiment li rridu naraw jitkattar f’Għawdex, kif qed nikkonfermaw illejla.

Il-Gvern qed jinvesti aktar fil-ħiliet tal-ħaddiema, permezz ta’ korsijiet organizzati mill-ETC.  Matul is-sena li għaddiet l-ETC sabet impjieg lil 258 persuna f’Għawdex – li jfisser żieda fuq l-2009, meta kienet sabet impjieg lil 202 persuni.

Sinjuri,

Din il-binja moderna toffri spazju għal aktar investiment minn kumpaniji li jridu jespandu l-operat tagħhom.  Kull investiment mis-settur privat, kemm dak lokali u dak barrani, hu sinjal qawwi ta’ fiduċja mhux biss fl-istat tal-ekonomija preżentament imma wisq aktar fil-prospetti għall-ġejjieni.  Dan li qed ninawguraw illum għandu jservi biex jiġbed aktar investiment fis-settur tas-servizzi lejn Għawdex – intom qed twittu t-triq. 

Il-Gvern huwa kommess li jkompli joħloq l-aħjar ambjent ekonomiku biex jiżdied l-investiment privat.  Il-Budget ta’ din is-sena huwa mfassal biex bħala pajjiż inkomplu nikkonsolidaw il-kisbiet li għamilna flimkien bħala poplu u nibnu fuqhom.

Is-sena li għaddiet meta pajjiżi oħra kienu qed idaħħlu miżuri ta’ awsterità u jżidu l-piżijiet fuq in-negozji, f’pajjiżna konna qed inħabbru budget li permezz tiegħu qed nagħtu aktar inċentivi lin-negozji biex jinvestu u jimpjegaw aktar ħaddiema u b’hekk igawdu minn tnaqqis fl-income tax li jlaħħaq l-€25,000. 

Filwaqt li pajjiżi oħra kienu għaddejjin minn riċessjoni, l-ekonomija Maltija kibret b’rata akbar mill-medja Ewropea u minn taż-żona ewro. 

Is-settur finanzjarju fl-ewwel disa’ xhur kiber b’aktar minn 30% fuq is-sena ta’ qabel. 

Bejn Jannar u Ġunju tas-sena li għaddiet l-investiment dirett barrani f’pajjiżna kien ta’ €551 miljun – żieda ta’ aktar minn €300 miljun fuq l-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.  Il-kumpaniji fis-settur finanzjarju kkontribwixxew bil-kbir għal din iż-żieda fl-investiment barrani f’Malta.

Minkejja r-riċessjoni dinjija, l-investiment f’pajjiżna baqa’ jiżdied, inħolqu impjiegi ġodda u naqas il-qgħad.  Fejn kien hemm kumpaniji li kellhom diffikultajiet, il-Gvern intervjena biex jgħinhom jinvestu u l-ħaddiema reġgħu bdew jaħdmu ġimgħa sħiħa.  Salvajna aktar minn 5,000 impjieg – għamilna differenza fil-ħajja ta’ 5,000 familja.

Din il-ġimgħa ġie għal żjara uffiċjali l-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek.  Fid-diskors tiegħu fil-Parlament Malti qal li d-deċiżjonijiet meħuda b’għaqal li ħadna f’pajjiżna ħelsu lil Malta mill-agħar effetti tal-kriżi internazzjonali.  L-analiżi li għamel wasslitu biex jgħid lill-Parlament Malti, li ħafna mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom x’jitgħallmu mit-tmexxija ekonomika ta’ Malta.

Ir-riżultati li ksibna ma ġewx waħedhom.  Huma frott id-deċiżjonijiet li ħadna; l-għaqal u l-bżulija tal-poplu Malti u Għawdxi.  Kuljum irridu naħdmu biex nikkonsolidaw u nibnu fuq ir-riżultati li ksibna.  L-investiment u l-ħolqien tax-xogħol ma jiġux mix-xejn.  Huma riżultat ta’ viżjoni u tmexxija ekonomika ċara u serja li taf fejn trid tasal.  L-iċken żball jew diskors li jsir b’nuqqas ta’ ħsieb jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi ħafna. 

Il-Gvern jibqa’ ffukat fuq il-ħolqien tax-xogħol.

Sinjuri,

Qed ninvestu, Gvern u Privat, għax nemmnu. 

Nemmnu fil-potenzjal ta’ pajjiżna.  Nemmnu fil-potenzjal taż-żgħażagħ tagħna, tal-ħaddiema tagħna u tal-investituri u intraprendituri bħal Michael Grech li kabbar il-kumpanija tiegħu u llum investa f’dan il-proġett importanti. 

The Brokerage jissimbolizza din il-fiduċja tas-settur privat u ta’ fejn irridu naslu.  Dan tal-lejla huwa pass fid-direzzjoni ta’ fejn irridu nwasslu l-gżira Għawdxija.

Filwaqt li nirringrazzja lis-Sur Michael Grech għal dan l-investiment importanti ġewwa Għawdex, nixtieq  nawguralu aktar suċċessi fil-futur.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow