Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAS-SENA EWROPEA TAL-VOLONTARJAT

pr0164
Date Icon 28/01/2011

Il-lejla inħossni verament kuntenta u ferħana li qegħda mar-rappreżentanti ta’ l-akbar armata li għandu pajjiżna.  L-armata tal-Voluntieri li tiġbor fiha aktar minn 27,000 persuna, nisa u rġiel, tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani li joffru aktar minn 20 siegħa fix-xahar f’ħidma f’mijiet ta’ organizazzjonijiet li jaħdmu favur is-soċjeta’ u l-pajjiż.

F’pajjiżna, il-ħidma tal-voluntier hi apprezzata ħafna. Kemm minn min igawdi direttament minnha kif ukoll mill-Gvern u mis-soċjeta’ ċivili. Il-volontarjat hu wieħed mill-akbar u l-għeżeż teżori li għandu pajjiżna.

Matul din is-sena, l-Ewropa kollha se tkun qed tiċċelebra l-volontarjat li jpoġġi fil-prattika il-valuri tas-solidarjeta’ u s-sussidjarjeta’ – żewġ valuri li huma fil-qalba tal-ideal Ewropew.

Il-volontarjat hu ta’ kontribut kbir għas-soċjeta’ għax hu sinjal ta’ ċittadinanza attiva ġenwina fil-livelli kollha. Dan barra l-valur ekonomiku li jagħti lis-soċjeta’ għax mingħajr il-ħidma volontarja li ssir bla ħlas, il-pajjiż ikollu joffri hu ħafna mis-servizzi li jagħmlu l-volontarji u dan ikun irid jagħmlu bi spiża kbira.

Il-Gvern hu konxju tal-importanza tal-volontarjat tant li għamel liġi apposta li tagħti apprezzament u rikonoxximent għal din il-ħidma u hu impenjat li jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi anke permezz ta’ għajnuna diretta għall-proġetti ta’ volontarjat.

Iżda mhux hekk biss.  Għaliex nemmnu li l-ħidma volontarja tgħin ukoll lill-individwu li jimpenja ruħu fiha, se nibdew nagħtu valur lill-ħidma volontarja li jagħmlu l-istudenti tagħna. 

Hawn mijiet ta’ studenti fil-livell primarju u sekondarju li huma mpenjati f’għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu xogħol volontarju f’diversi oqsma bħalma huma l-ambjent, il-kultura, għaqdiet reliġjużi, każini tal-baned, scouts, guides u oħrajn.  Sal-lum din il-ħidma, li tagħti ħafna sodisfazzjon lit-tfal li jagħmluha ma kinitx rikonoxxuta.

Issa, fiċ-Ċertifikat li nagħtu lill-isudenti tagħna fi tmiem l-iSkola Sekondarja, din il-ħidma se tibda tkun inkluża fiċ-ċertifikat għax nemmnu li għandha valur kbir, anke fil-bini tal-karattru tat-tfal tagħna.

Il-ħidma volontarja ma titkejjilx bil-flus. Li kieku kien hekk il-pajjiżi jridu jonfqu miljuni kbar biex jixtru dawn is-servizzi.  Il-volontarju jagħti minn ħinu u mill-enerġija tiegħu għax jemmen fil-ħidma li jkun involut fiha.  Anke fid-dinja materjali u konsumista li qed ngħixu fiha, il-volontarju jibqa’ impenjat favur l-oħrajn jew favur il-pajjiż.

Kif għidt fil-messaġġ li ħriġt fil-bidu ta’ din is-sena, il-volontarjat, speċjalment dak soċjali, mhux xi kapriċċ jew xi ħaġa żejda.  Imma hu manifestazzjoni ta’ solidarjeta’ u altruiżmu.  L-impenn volontarju mhux imposta fuqna bil-liġi u rridu nagħmluh bilfors, imma hu frott tar-responsabbilta’ morali li nħossu f’qalbna biex inkunu ta’ servizz għal ħaddieħor jew għall-pajjiż.  Dan hu l-akbar valur tal-volontarjat.

Il-lejla smajna messaġġi qosra iżda sinjifikanti ta’ xi jfisser il-volontarjat. Smajna dwar  is-sodisfazzjon li jagħti lill-individwu. 

F’din l-okkażżjoni inħoss id-dover li nsellem lilkom u lill-eluf l-oħra ta’ Maltin u Għawdxin impenjati f’dan il-qasam.  Irrid fl-istess waqt inħeġġeġ aktar nies biex jidħlu f’din l-Armata kbira magħmula minn nies li b’imħabba u b’passjoni, għax jemmnu f’dak li huma impenjati fih, jaqdu lill-pajjiż, lill-komunitajiet tagħna u lil ħuthom li jiġu bżonn l-għajnuna tagħhom.

Nixtieq nesprimi r-rikonoxximent tal-Gvern u l-poplu Malti kollu għall-ħidma imprezzabbli tagħkom u nwiegħdkom kull għajnuna fil-ħidma tagħkom.

Intom l-isbaħ element tas-soċjeta’ ċivili.  Il-pajjiż hu kburi bikom. Komplu aħdmu biex nassiguraw li l-pajjiż u s-soċjeta’ jkunu aħjar milli huma l-lum.  Bix-xogħol tagħkom, ilkoll flimkien nistgħu nagħmlu dinja aħjar u nħallu lil ta warajna, pajjiż aħjar milli sibnih.

Nassigurakom li l-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minnkom se tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta’ ħafna oħrajn li jgawdu mix-xogħol tagħkom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow