BEDA JINTUŻA APPARAT ĠDID LI ĠIE AKKWISTAT PERMEZZ TAL-PROĠETT TAT-TWAQQIF TA’ DIPARTIMENT ĠDID TAR-RADJOLOĠIJA FL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX
Dak li kien servizz li kien jingħata minn żewġ kmamar b’apparat bażiku fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex illum inbidel f’dipartiment ġdid tar-Radjoloġija li jinkorpora ħames taqsimiet mgħammrin b’apparat diġitali mill-aktar modern u sofistikat li permezz tiegħu ġew imtejba u msaħħa s-servizzi ta’ qabel, filwaqt li żdiedu oħrajn ġodda fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, għamlet żjara f’dan id-dipartiment issa li riesaq fi tmiemu x-xogħol marbut ma’ parti minn proġett li hu ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonali. Waqt din iż-żjara ġie spjegat kif qed jingħataw is-servizzi lill-pazjenti Għawdxin issa li l-apparat ġdid li kien beda jiġi nstallat f’Settembru li għadda qed jiffunzjona kollu. Il-Kap tad-Dipartiment flimkien ma’ tekniċi oħra spjegaw id-diversi funzjonijiet tal-magni u apparat ieħor li hemm f’kull taqsima li qed jippermettu li l-investigazzjonijiet li jsiru huma ta’ livell avanzat ħafna u jagħtu riżultati ferm aktar dettaljati f’anqas ħin.
Biżżejjed wieħed isemmi li minbarra li qed ikun introdott is-servizz ta’ CT Scanning għall-ewwel darba minn fl-isptar ta’ Għawdex, dan l-apparat huwa mill-aktar sofistikat u uniku għall-isptarijiet tal-Gvern f’pajjiżna. Dan l-apparat jippermetti li jsiru diversi proċeduri ta’ CT Scanning inkluż dawk li mhumiex invażivi li jagħtu stampa ċara tal-kundizzjoni medika tal-pazjent fi ftit ħin.
Żewġ taqsimiet oħra jinkorporaw apparat li permezz tiegħu jsiru eżamijiet skeletali (Skeletal X-Rays) u oħrajn tal-intern (Fluoroscopy). Nistgħu ngħidu li dawn kienu bażikament is-servizzi li kienu jingħataw fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex s’issa bid-differenza li l-apparat ġdid huwa ferm aktar effiċjenti u ta’ preċiżjoni filwaqt li għandu wkoll funzjonijiet li jiffaċilitaw l-użu kemm għall-pazjenti anzjani kif ukoll dawk li jkollhom diffikultajiet ta’ mobilità.
Taqsima kompletament ġdida hija dik tal-Mammografija Digitali. Din issa qed tippermetti li dawk in-nisa Għawdxin li ġew imsejħa biex jipparteċipaw fin-National Breast Screening Programme ikunu jistgħu jagħmlu dan f’Għawdex stess mingħajr il-bżonn li jmorru f’Malta fiċ-ċentru tal-Breast Screening f”Lascaris. Barra minn hekk dan l-apparat ser jintuża wkoll minn pazjenti li jkunu jinħtieġu investigazzjonijiet relatati ma’ każijiet sintomatiċi mal-mard tas-sider (Symptomatic cases). .
Is-sezzjoni tal-ultrasound qed tintroduċi servizz ferm aktar avvanzat minn dak li kien hemm qabel f’dan l-isptar. Biżżejjed wieħed isemmi li l-apparat ġdid li jintuża għal investigazzjonijiet addominali kif ukoll f’każijiet ġinekoloġiċi joffri immaġini dettaljati (3D) bil-kulur b’kuntrast mal-apparat li kien jintuża s’issa. Dan l-apparat tal-Ultrasound għandu wkoll il-faċilità li jintuża biex isiru testijiet tal-qalb (Echograms) kemm fuq l-adulti kif ukoll fuq it-tfal.
Il-proġett tat-twaqqif tad-Dipartiment tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex flimkien mar-ristrutturar tat-tieni sala tal-Operazzjonijiet f’dan l-isptar kien propost fid-dawl tal-istrateġija nazzjonali 2007-2013 li tindirizza l-aċċessibiltà għas-servizzi tas-saħħa biex fost l-oħrajn tiġi mtejba l-kwalità tal-ħajja anki fil-gżira ta’ Għawdex. Ix-xogħol fuq dawn il-proġetti hu stmat li jilħaq €3.2 miljun li 85% minnhom ser jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonali.
Sar xogħol preparatorju li kien jinvolvi finanzjament minn fondi nazzjonali bħala preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-proġett ffinanzjat minn fondi Ewropej. Operazzjoni importanti kienet dik marbuta mat-tneħħija kompleta tas-saqaf qadim li parti minnu kien magħmul mill-asbestos. Dan kien jinvolvi proċeduri koordinati skont regoli internazzjonali marbuta mas-saħħa fir-rigward tat-trattament ta’ dan it-tip ta’ materjal. Sar tibdil strutturali biex jiżdied l-ispazju minn fejn ikun jista’ jopera id-Dipartiment tar-Radjoloġija l-ġdid anki biex ikun jista’ jakkomoda l-apparat ġdid li ġie nstallat. Dan jinkludi wkoll ‘Viewing Areas’ għall-operaturi f’kull taqsima u ‘Reporting Area’ komuni minn fejn jinħarġu riżultati mill-aktar preċiżi b’mod diġitali.
Dawn ir-riżultati jistgħu jinqraw minn tobba u speċjalisti fis-swali u postijiet oħra madwar l-isptar. Sadanittant qed issir ukoll ħidma biex jiġi nstallat apparat elettroniku li permezz tiegħu dawn ir-riżultati jkunu jistgħu jintbagħtu fi Sptarijiet u Ċentri tas-Saħħa f’Malta. Fost affarijiet oħra dan ser jiffaċilita d-dijanjosi ta’ kundizzjonijiet ta’ pazjenti Għawdxin u f’ħafna każi jwassal biex dawn ma jkollhomx bżonn imorru għal ċerti testijiet f’Malta.
Il-Ministru spjegat kif dan il-proġett ser isaħħaħ is-servizz tas-saħħa f’Għawdex għal benefiċċju tar-residenti Għawdxin kollha. Is-servizzi l-ġodda minbarra li huma effiċjenti ser itaffu ħafna mill-inkonvenjenti li jgħaddu minnhom pazjenti b’mard serju jew kroniku, anzjani, persuni b’diżabilità, u residenti Għawdxin li s’issa kien ikollhom imorru Malta għal uħud minn dawn is-servizzi. Fl-istess waqt ser tonqos id-domanda għal dawn is-servizzi mill-Isptar Mater Dei filwaqt li diġà ġie nnotat li s-servizz tar-Radjoloġija f’Għawdex qed ikun aktar effiċjenti minħabba li l-ħin rikjest biex isir X-Ray naqas b’mod konsiderevoli.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003