L-ISTRATEĠIJA TAL-UE DWAR ID-DIŻABILITÀ U L-PROGRAMM TA’ RIFORMA NAZZJONALI TAĦT IL-LENTI TAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC
Rappreżentanti tal-Gvern, tal-partiti politiċi, tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili llum iddiskutew żewġ dokumenti importanti dwar il-politika tal-UE kif ukoll dik nazzjonali. Fuq l-aġenda tal-Core Group tal-MEUSAC kien hemm l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali.
L-Istrateġija dwar id-Diżabilità tinkludi programm ta’ azzjoni sas-sena 2020 b’150 proposta li jindirizzaw l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà. L-għan primarju ta’ din l-istrateġija huwa li tindirizza l-ostakli li jiltaqgħu magħhom dawn il-persuni u li jfixkluhom milli jilħqu livell ta’ inklużjoni sħiħa fis-soċjetà. Fl-Unjoni Ewropea, wieħed minn kull sitt persuni jbati minn xi forma ta’ diżabilità.
Il-150 proposta jaqgħu taħt tmien prijoritajiet li dwarhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw: l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-azzjoni esterna tal-UE. Dawn l-azzjonijiet għandhom jgħinu lil persuni b’diżabilità u persuni vulnerabbli biex ma jkollhomx biss għajnuna finanzjarja, imma wkoll għajnuna biex isiru iktar produttivi, attivi u indipendenti. Din l-għajnuna għandha tingħata kemm fuq livell individwali u kif ukoll fuq livell komunitarju. Huwa importanti wkoll li jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet, kemm tal-persuni b’diżabilità nfushom u kemm tas-soċjetà inġenerali.
Fid-diskussjoni, il-membri tal-Core Group qajmu numru ta’ punti fosthom li
• il-persuni b’diżabilità m’għandhomx iqisu lilhom infushom bħala piż għas-soċjetà;
• minbarra l-għajnuna finanzjarja, il-familji ta’ persuni b’diżabilità għandu jkollhom servizzi ta’ assistenza li jimla’ l-vojt li jeżisti bħalissa;
• il-qraba u min iħaddem għandhom jingħataw ukoll taħriġ ta’ kif jassistu lill-persuni b’diżabilità u b’hekk jitnaqqas ukoll il-piż fuq il-gvern;
• il-persuni b’diżabilità ma jkollhomx biss problemi ta’ aċċessibilità fiżika, imma wkoll problemi bħal aċċess għas-servizzi. Hu meħtieġ li ssir riċerka kwalitattiva u mhux biss ta’ statistika;
• il-bżonn ta’ benefiċċji komuni f’livell Ewropew;
• il-persuni b’diżabilità femminili huma iktar żvantaġġjati;
• l-isport għandu jitqies bħala qasam għalih waħdu fl-azzjonijiet proposti għax minnu l-persuni b’diżabilità jistgħu jgawdu ħafna;
• għandha ssir iktar enfasi fuq l-abilità milli d-diżabilità.
Fil-laqgħa ħadet sehem ukoll Anne Marie Callus, Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità. Hi qalet li hemm bżonn li nibqgħu nitkellmu fuq id-diżabilità f’kull livell; m’għandniex nagħmlu differenza bejn diżabilità ħafifa jew severa għax il-persuna affettwata m’għandhiex tiġi mkejla mid-diżabilità, imma mill-mod kif id-diżabilità taffettwa lilha u kif tirreaġixxi għaliha. Qalet ukoll li l-problemi u l-ostakli li jiffaċċjaw dawn il-persuni, ħafna drabi ma jiġux mill-persuni nfushom imma mill-mod ta’ kif is-soċjetà tirreaġixxi għalihom. Għaldaqstant, l-enfasi għandha tkun fuq dak li jistgħu jagħmlu u mhux fuq in-nuqqasijiet tagħhom. Dan jgħodd ukoll għal min jimpjega, li ma jħarisx biss lejn il-possibilità ta’ produttività, imma lejn il-ħafna talenti li persuna b’diżabilità jkollha. Fl-aħħarnett hi qalet li iktar ma l-persuna b’diżabilità tkun megħjuna kmieni, b’support ta’ servizzi u edukazzjoni, iktar tkun tista’ tikkontribwixxi lejn is-soċjetà u ma titqiesx bħala piż.
Wara l-ewwel diskussjoni, uffiċjali mill-Ministeru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Investiment, ippreżentaw id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika tal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali, li huwa l-programm ta’ ħidma tal-Gvern għas-snin li ġejjin. Dan il-programm għandu l-istess miri tal-Istrateġija tal-UE “Ewropa 2020”; jiġifieri kif Malta se tindirizza l-isfidi fl-oqsma tal-Impjiegi, l-Edukazzjoni, l-Ambjent, il-Faqar u r-Riċerka u l-Iżvilupp. Ma’ dawn l-oqsma, il-Programm tfassal fuq numru ta’ azzjonijiet li huma realistiċi u li jistgħu juru riżultati immedjati.
Fih ġew indirizzati wkoll l-isfidi li għandha Malta biex tilħaq il-miri mfassla. Il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sal-1 ta’ Marzu 2011. Id-dokument ta’ konsultazzjoni għandu jerġa’ jiġi diskuss mill-Core Group fil-laqgħa li jmiss wara li tkun saret diskussjoni interna fl-organizzazzjonijiet rappreżentati fil-Core Group.
Il-laqgħa tal-Core Group kienet preseduta mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003