Left arrow Go Back

L-ISTRATEĠIJA TAL-UE DWAR ID-DIŻABILITÀ U L-PROGRAMM TA’ RIFORMA NAZZJONALI TAĦT IL-LENTI TAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC

pr0159
Date Icon 28/01/2011

Rappreżentanti tal-Gvern, tal-partiti politiċi, tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili llum iddiskutew żewġ dokumenti importanti dwar il-politika tal-UE kif ukoll dik  nazzjonali. Fuq l-aġenda tal-Core Group tal-MEUSAC kien hemm l-Istrateġija Ewropea dwar  id-Diżabilità u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali.

L-Istrateġija dwar id-Diżabilità tinkludi programm ta’ azzjoni sas-sena 2020 b’150 proposta li jindirizzaw l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà. L-għan primarju ta’ din l-istrateġija huwa li tindirizza l-ostakli li jiltaqgħu magħhom dawn il-persuni u li jfixkluhom milli jilħqu livell ta’ inklużjoni sħiħa fis-soċjetà. Fl-Unjoni Ewropea, wieħed minn kull sitt persuni jbati minn xi forma ta’ diżabilità.

Il-150 proposta jaqgħu taħt tmien prijoritajiet li dwarhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw: l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-azzjoni esterna tal-UE. Dawn l-azzjonijiet għandhom jgħinu lil persuni b’diżabilità u persuni vulnerabbli biex ma jkollhomx biss għajnuna finanzjarja, imma wkoll għajnuna biex isiru iktar produttivi, attivi u indipendenti. Din l-għajnuna għandha tingħata kemm fuq livell individwali u kif ukoll fuq livell komunitarju. Huwa importanti wkoll li jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet, kemm tal-persuni b’diżabilità nfushom u kemm tas-soċjetà inġenerali.

Fid-diskussjoni, il-membri tal-Core Group qajmu numru ta’ punti fosthom li

• il-persuni b’diżabilità m’għandhomx iqisu lilhom infushom bħala piż għas-soċjetà;

• minbarra l-għajnuna finanzjarja, il-familji ta’ persuni b’diżabilità għandu jkollhom servizzi ta’ assistenza li jimla’ l-vojt li jeżisti bħalissa;

• il-qraba u min iħaddem għandhom jingħataw ukoll taħriġ ta’ kif jassistu lill-persuni b’diżabilità u b’hekk jitnaqqas ukoll il-piż fuq il-gvern;

• il-persuni b’diżabilità ma jkollhomx biss problemi ta’ aċċessibilità fiżika, imma wkoll problemi bħal aċċess għas-servizzi. Hu meħtieġ li ssir riċerka kwalitattiva u mhux biss ta’ statistika;

• il-bżonn ta’ benefiċċji komuni f’livell Ewropew;

• il-persuni b’diżabilità femminili huma iktar żvantaġġjati;

• l-isport għandu jitqies bħala qasam għalih waħdu fl-azzjonijiet proposti għax minnu l-persuni b’diżabilità jistgħu jgawdu ħafna;

• għandha ssir iktar enfasi fuq l-abilità milli d-diżabilità.

Fil-laqgħa ħadet sehem ukoll Anne Marie Callus, Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità. Hi qalet li hemm bżonn li nibqgħu nitkellmu fuq id-diżabilità f’kull livell; m’għandniex nagħmlu differenza bejn diżabilità ħafifa jew severa għax il-persuna affettwata m’għandhiex tiġi mkejla mid-diżabilità, imma mill-mod kif id-diżabilità taffettwa lilha u kif tirreaġixxi għaliha. Qalet ukoll li l-problemi u l-ostakli li jiffaċċjaw dawn il-persuni, ħafna drabi ma jiġux mill-persuni nfushom imma mill-mod ta’ kif is-soċjetà tirreaġixxi għalihom. Għaldaqstant, l-enfasi għandha tkun fuq dak li jistgħu jagħmlu u mhux fuq in-nuqqasijiet tagħhom. Dan jgħodd ukoll għal min jimpjega, li ma jħarisx biss lejn il-possibilità ta’ produttività, imma lejn il-ħafna talenti li persuna b’diżabilità jkollha. Fl-aħħarnett hi qalet li iktar ma l-persuna b’diżabilità tkun megħjuna kmieni, b’support ta’ servizzi u edukazzjoni, iktar tkun tista’ tikkontribwixxi lejn is-soċjetà u ma titqiesx bħala piż.

Wara l-ewwel diskussjoni, uffiċjali mill-Ministeru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Investiment, ippreżentaw id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika tal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali, li huwa l-programm ta’ ħidma tal-Gvern għas-snin li ġejjin. Dan il-programm għandu l-istess miri tal-Istrateġija tal-UE “Ewropa 2020”; jiġifieri kif Malta se tindirizza l-isfidi fl-oqsma tal-Impjiegi, l-Edukazzjoni, l-Ambjent, il-Faqar u r-Riċerka u l-Iżvilupp. Ma’ dawn l-oqsma, il-Programm tfassal fuq numru ta’ azzjonijiet li huma realistiċi u li jistgħu juru riżultati immedjati.

Fih ġew indirizzati wkoll l-isfidi li għandha Malta biex tilħaq il-miri mfassla. Il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sal-1 ta’ Marzu 2011. Id-dokument ta’ konsultazzjoni għandu jerġa’ jiġi diskuss mill-Core Group fil-laqgħa li jmiss wara li tkun saret diskussjoni interna fl-organizzazzjonijiet rappreżentati fil-Core Group.

Il-laqgħa tal-Core Group kienet preseduta mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow