SE JKUN INTRODOTT RIKONOXXIMENT GĦALL-EĊĊELLENZA FIL-KUMMERĊ
Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija tirċievi l-ISO 9001
L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) se tintroduċi il-Malta Quality Awards – rikonoxximent lill-kumpaniji kummerċjali ta’ daqs kbir, medju u żgħir għall-impenn tagħhom biex jilħqu livell għoli ta’ eċċellenza kif imexxu intrapiża tagħhom. Fuq dan l-award, li se jkun ibbażat fuq il-mudell Ewropew tal-Business Excellence Model, diġa’ qed isir xogħol mill-uffiċjali tal-Awtorità Maltija għall-Istandards (MSA), entità li fi ftit tax-xhur oħra se tagħmel parti mill-awtorità l-ġdida.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta, Chris Said, meta ippreżenta ċ-ċertifikat MSA ISO 9001:2008 lill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija Helga Ellul. Hu fisser din l-okkażjoni bħala speċjali għaliex filwaqt li ċ-ċertifikat fil-passat ingħata lil numru ta’ organizzazzjonijiet fil-qasam kummerċjali, għall-ewwel darba ċ-ċertifikat qed jingħata lil wieħed mill-imsieħba soċjali b’mod partikolari lill-organizzazzjoni li tiġbor fi ħdanha is-settur industrijali fil-gżejjer Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li biex tintlaħaq il-mira tal Gvern li sal-2015 pajjiżna jsir ċentru ta’ eċċellenza fis-settur tal-valur miżjud għoli fil-qasam tal-manifattura, jinħtieġ li jogħla l-livell tal-immaniġġjar tal-kwalità. Hu qal li l-Kamra tal-Kummerċ qed isservi bħala xprun biex dan jintlaħaq. Hu qal ukoll li bil-kisba u bl-implimentazzjoni tal-ISO 9001, il-Kamra tal-Kummerċ se tikseb numru ta’ benefiċċji u huwa importanti li dan il-messaġġ jasal għand il membri.
Normalment l-ISO 9001 jingħata lil organizzazzjonijiet fil-qasam tal-kummerċ, il-manifattura u s-servizzi. L-ISO 9001 sar essenzjali għal kumpaniji li jkunu jridu jippenetraw swieq barranin tant li hu meqjus bħala l-passaport għas-swieq internazzjonali. Iċ-ċertifikazzjoni tinħareġ lil dawk il-kumpaniji li jkollhom sistemi ta’ mmaniġġjar ta’ kwalità. Hu dritt ta’ kull kumpanija li minn jeddha titlob li jsirulha l-verifiki neċessarji biex ikun stabbilit jekk tilħaqx dawn il-livelli ta’ kwalità.
Sabiex tinħareġ iċ-ċertifikazzjoni, l-uffiċjali tal-MSA jagħmlu verifiki dwar is-sistemi wżati u dwar il-kompetenza tal-ħaddiema tal-kumpanija. Issir ukoll analiżi ta’ kif jinżammu r-records u dwar l-imġieba tal-kumpanija lejn il-klijenti tagħħa. Dan l-eżerċizzju mhux xi ħaġa ta’ darba tant li kull sitt xhur, xi drabi anke mingħajr pre-avviż, l-uffiċjali tal-MSA iżuru l-kumpaniji biex jassiguraw li l-istandard ikun qed jitjieb u mhux biss jinżamm. Meta kumpaniji jinstabu li ma jkunux qed iżommu l-istandard, jistgħu jispiċċaw biex jitilfu ċ-ċertifikat.
F’Malta hawn ‘il fuq minn 400 kumpanija li kisbu ċ-ċertifikazzjoni internazzjonali ISO 9001. L-Awtorità Maltija għall-Istandards (MSA) bdiet toħroġ din iċ-ċertfikazzjoni madwar sentejn ilu u din diġa’ ngħatat lil aktar minn 30 kumpanija.
Il-Malta Enterprise qed tpoġġi fondi għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-kumpaniji li jridu jhejji ruħu biex jakkwistaw iċ-ċertifikat ISO 9001. Dan jinħareġ lil dawk il-kumpaniji li jkollhom sistemi ta’ immaniġġjar ta’ kwalità. Konsumaturi li jixtru servizzi jew prodotti minn kumpaniji li jkollhom ċertifikazzjoni bħal din, ikunu qed iserrħu moħħhom li dawn ikunu professjonali u trasparenti f’ħidmithom.
Dwar il-Malta Quality Awards, is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li f’Malta ilu jinħass il-bżonn li jkun hawn forma ta’ rikonoxximent għal dawk l-intrapriżi li jinvestu fir-riżorsi u fil-kwalità u jagħmlu sforz iżjed min ħaddieħor biex itejbu l-livell tas-servizz li joffru. Hu qal li permezz ta’ dan ir-rikonoxximent dawn l-intrapriżi ikun jista’ jsir it-tqabbil tal-livell tal-intrapriżi lokali ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003