Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAT-TURBINA TAR-RIĦ FIL-FABBRIKA TAL-FXB GROUP – XEWKIJA, GĦAWDEX – IL-ĠIMGĦA, 28 TA’ JANNAR 2011

pr0156
Date Icon 28/01/2011

Sur Borg,

Familja Borg,

Mistiedna Distinti,

Sinjuri,

Huwa ta’ sodisfazzjon nisma’ intraprendituri, bħal familja Borg, jitkellmu b’tant ħeġġa u viżjoni fuq in-negozju tagħhom kif ukoll fuq il-potenzjal ta’ pajjiżna, partikularment tal-gżira Għawdxija.

Dawn il-mija u għoxrin sena ta’ dan in-negozju huma storja ta’ kumpanija li laqgħet l-isfidi biex dawrithom f’impjiegi, opportunitajiet u kisbiet.  Opportunitajiet mhux biss fis-suq lokali imma FXB dejjem rat lil hinn mis-suq lokali u l-prodotti tagħha jinstabu fis-swieq internazzjonali.

Intom tibqgħu xhieda tal-importanza tal-manifattura għall-ekonomija Maltija.  Il-Gvern jemmen li l-manifattura ta’ valur miżjud għoli toffri potenzjal għal Malta.  Numru ta’ kumpaniji fil-manifattura stabbiliti u f’setturi oħra bħal farmaċewtika komplew jespandu u jinvestu.  Dan ikompli jikkonferma l-potenzjal ta’ dan is-settur bħala pilastru importanti għall-ekonomija Maltija.

Sinjuri,

Dan il-pajjiż, miftuħ għall-pressjonijiet globali, irnexxielu bl-għaqal u bil-bżulija jikseb riżultati pożittivi u laqa’ tajjeb għall-krizi internazzjonali.  Dwar dan ikkummentaw ukoll il-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel li kienu fostna fil-ġranet li għaddew.   Filwaqt li pajjiżi oħra qed isofru taħt il-morsa ta’ qgħad għoli u sensji ta’ ħaddiema, f’pajjiżna l-investiment privat kompla jiżdied u inħoloq aktar xogħol.

Tul l-2010, l-ekonomija Maltija kibret b’mod konsistenti b’rata aktar mgħaġġla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro.  L-esportazzjoni fl-ewwel ħdax-il xahar żdiedet b’rata ta’ 32%.  Is-settur tal-manifattura kompla jespandi anki b’għajnuniet li tat il-Malta Enterprise.  Fit-turiżmu kellna sena rekord.

F’dan kollu bqajna u nibqgħu iffukati fuq il-ħolqien tax-xogħol, għaliex bix-xogħol ninvestu f’soċjetà b’saħħitha.  Bid-direzzjoni li qed nagħtu lil pajjiżna, bl-investiment ġdid u bl-iskemi ta’ taħriġ, il-qgħad f’pajjiżna llum hu r-raba’ l-anqas fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  Minkejja dan il-livell baxx ta’ qgħad, nibqgħu nistinkaw biex noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar. 

F’isem il-Gvern, nixtieq nirringrazzja lis-settur privat għas-sehem tiegħu biex tikber l-ekonomija Maltija u llum b’mod speċjali lill-familja Borg li bħal Gvern jemmnu bis-sħiħ fil-potenzjal ta’ pajjiżna u f’dan il-każ aktar u aktar tal-Għawdxin.  Intom protagonisti fit-twettiq tal-viżjoni li għandna għal pajjiżna.  Għaraftu li biex tkomplu tirnexxu fl-ekonomija globalizzata tal-lum trid tħares ‘il quddiem  u tinvesti aktar fi prodotti u servizzi ġodda.

L-investiment f’turbina tar-riħ huwa xhieda tal-viżjoni ta’ FXB Group.  Viżjoni li tagħraf l-importanza tal-enerġija nadifa mhux biss għall-bżonnijet tagħkom iżda anki għal potenzjal ekonomiku bit-twaqqif ta’ kumpanija sussidjarja f’dan is-settur. 

Dan il-proġett tal-lum huwa ħolqa oħra importanti fil-viżjoni li għandna għall-gżira Għawdxija dik ta’ “Eko-Għawdex”.  Viżjoni li l-kumpanija tagħkom laqgħet u qed tissieħeb mal-Gvern fit-twettiq tagħha.  Il-Gvern implimenta numru ta’ skemi biex aktar familji u kumpaniji Maltin u Għawdxin jinvestu fl-enerġija nadifa.  Quddiem ir-realtà kiefra taż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt, il-Gvern għazel li jgħin lill-familji, lin-negozji ż-żgħar u lill-industrija bi skemi differenti:

• fl-ewwel sena ta’ din il-leġislatura l-Gvern qassam aktar minn miljun bozza energy saver lil 130,000 familja;

• il-Gvern qed jagħti sa €560 lill-familji li jixtru solar water heater;

• tajna €3,000 lill-familji li xtraw PVs biex jiġġeneraw l-elettriku mix-xemx;

• daħħalna feed in tariff ta’ €0.25c għal kull unit ta’ elettriku li jkun iġġenerat u mibjugħ lill-Enemalta. Fil-każ tal-familji Għawdxin, il-Gvern qed jagħti feed-in tariff  ta’ €0.28c.  B’dawn ir-rati l-familji jifdu l-investiment li jkunu għamlu f’panelli fotovoltajiċi f’aqsar żmien; u

• min juża l-enerġija b’għaqal qed jingħata skont li jlaħħaq sa 25% fuq il-konsum tal-elettriku.

Dan minbarra skemi oħra fuq xiri ta’ appliances li jaħlu anqas dawl, għajnuna finanzjarja għal double glazing u roof insulation.  Għamilna wkoll skemi biex negozji, bdiewa u raħħala, fabbriki u lukandi jinvestu wkoll fl-enerġija nadifa.

Ix-xahar li għadda inawgurajt l-Impjant ta’ Sant’Antnin.  Dak l-Impjant hu xhieda tal-bidliet kbar li qed nagħmlu f’pajjiżna.  Mhux biss qed infejqu l-ġerħiet tal-imgħoddi billi għalaqna l-miżbliet tal-Magħtab u hawn tal-Qortin imma mill-iskart, permezz tal-impjant ta’ Sant’Antnin, se nibdew nipproduċu l-elettriku. 

Fl-2009, ftaħna l-iskola sekondarja ġdida f’Pembroke li l-elettriku tagħha jiġi ġenerat kollu mix-xemx u r-riħ.  F’din l-iskola mhux biss qed jiġi ġenerat elettriku għall-iskola, iżda l-elettriku żejjed qed jiġi mgħoddi fil-grid tal-EneMalta.

Filwaqt li bħalissa fuq 30 binja tal-Gvern hemm sistemi ta’ pannelli fotovoltajiċi jew turbini tar-riħ; qed naħdmu biex 67,000 metru kwadru oħra ta’ soqfa f’binjiet pubbliċi jinksew b’pannelli fotovoltajiċi biex jiġi ġenerat l-elettriku mix-xemx.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu f’dan is-settur biex aktar familji, negozji, lukandi, fabbriki u kumpaniji jkomplu jinvestu f’din it-teknoloġija.  Dan qed nagħmluh biex niddependu anqas miż-żejt li nimpurtaw, biex ikollna arja aħjar u aktar nadifa u għalhekk ikollna poplu aktar b’saħħtu.

Sinjuri,

Illum mhux biss qegħdin nassistu għall-inawgurazzjoni ta’ din it-turbina imma wkoll għall-storja ta’ żviluppi li għandha tkun ta’ ispirazzjoni.  Biex kumpanija tkompli tirnexxi fid-dinja tal-lum trid tkompli tinvesti fl-operat tagħha u ttejjeb il-kompetittività tagħha anke permezz ta’ investiment f’enerġija nadifa. 

Nixtieq nawgura l-kumpanija FXB aktar suċċessi fil-futur u huwa unur għalina li jkollna investituri lokali li jagħtu kontribut tant importanti lill-ekonomija Maltija u jgħinu fit-twettiq tal-viżjoni għal pajjiżna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow