Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA “ANNE FRANK: ĠRAJJIET GĦAL ŻMINIJIETNA – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 27 TA’ JANNAR 2011

pr0153
Date Icon 28/01/2011

Fis-27 ta’ Jannar 1945, Otto Frank kien fost dawk li rnexxielhom isalvaw u li nħelsu minn Auschwitz.  Bħala raġel miżżewweġ u missier, nista’ biss nimmaġina kemm il-fatt li salva kien ta’ pjaċir u niket għalih fl-istess ħin.

Illejla, 66 sena wara, qed niltaqgħu hawnhekk biex infakkru l-wirt li ħalliet bintu fil-Jum tat-Tifkira tal-Olokawst. 

Eċċellenzi,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Il-Jum tat-Tifkira tal-Olokawst twaqqaf b’għan partikulari ħafna. 

Huwa jum li jitlob minna li nieqfu u nirriflettu. 

Huwa jum li jitlob minna li nirriflettu fuq l-atroċitajiet li seħħew qabel, biex dawn iservu bħala twissija.  Kif qal tant tajjeb Rudyard Kipling meta kien qed jitkellem dwar l-atroċità tal-gwerra, 'biex ma ninsewx'. 

L-istorja ta’ Anne Frank hija tant qawwija għaliex għall-ġenerazzjonijiet  issimbolizzat dak li tassew fissret il-gwerra u b’mod partikulari l-Olokawst.   Huwa inkredibbli meta wieħed jaħseb li l-wirt li ħalliet Anne Frank issawwar f’mhux iktar minn ħmistax-il sena.  Minkejja li għexet ftit snin mimlijin tbatija, il-fibra morali tagħha tant kienet qawwija li minn mewtha 'l hawn, isimha jippersonifika l-qawwa u l-onestà morali.

Anki waqt li kienu qed iseħħu l-agħar atroċitajiet tal-Olokawst, xorta rnexxielha tikteb kliem tant qawwi bħal, “minkejja kollox, xorta nibqa’ nemmen li n-nies għandhom qalbhom tajba”.  Tant snin wara, il-kliem tagħha jibqa’ raġġ ta’ dawl ta’ tama fid-dinja.

Madankollu, l-istorja ta’ Anne Frank mhijiex biss qawwija għaliex tirrakkonta esperjenza personali iżda għax tirrappreżenta l-istorja kollettiva ta’ miljuni ta’ nies fl-Ewropa kollha li ġew ippersegwitati minħabba raġunijiet ta’ razza u etniċità.  Kliemha wasslu ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ nies biex, mhux biss jissimpatizzaw magħha, iżda anki mal-miljuni ta’ nies oħra li sofrew l-istess atroċitajiet u ma salvawx mill-kruha tal-Olokawst.

Hekk kif Otto Frank iddedika ħajtu biex jassigura li dawn il-memorji jibqgħu jinżammu ħajjin permezz tat-tifkiriet ta’ bintu, hekk ukoll dawk li salvaw mill-Olokawst jikkontribwixxu biex jgħinuna niftakru dawn l-atroċitajiet.  Kif kellna l-privileġġ li nisimgħu llejla permezz tal-esperjenza tas-Sur Thomas Blatt, dawk li salvaw iġorru l-piż tal-memorji tagħhom b’dinjità u kuraġġ. 

Esperjenzi bħal dawn ma jħallux biss effett fuq livell personali.  Il-gwerer u l-ġenoċidji servew bħala tifkiriet koroh biex is-sistema internazzjonali tħoss il-ħtieġa li tirriorganizza lilha nfisha u tassigura li ġrajjiet bħal dawn ma jirrepetux ruħhom.  Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, rajna r-riorganizzazzjoni sħiħa tal-komunità internazzjonali bit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti li jippersonifikaw il-valur tar-rikonċiljazzjoni, id-djalogu u n-negozjati bħala bażi għad-diplomazija internazzjonali. 

Bħala bniedem, inħossni nistħi ngħid li atroċitajiet bħal dawn u l-indafa etnika għadhom iseħħu.  Dawn l-affarijiet għandhom ikomplu jistimulaw lill-komunità internazzjonali biex tintervjeni mhux wara li jseħħu traġedji bħal dawn imma għandu jkollha rwol attiv fil-bini tal-ħiliet u fl-iżvilupp ta’ pajjiżi u reġjuni bħal dawn.  Fid-dinja globalizzata li qed ngħixu fiha, ħadd ma jista’ jew għandu jinjora ġrajjiet bħal dawn għaliex dawn joħolqu konsegwenzi li jibqgħu jinħassu u li jħallu impatt fuqna lkoll.  Id-drama umana tal-immigrazzjoni illegali u dawk li jfittxu ażil hija eżempju tipiku.  Filwaqt li nirrispettaw is-sovranità tal-istati, għandna nibqgħu impenjati fir-responsabbiltà li nipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-umanità.

Dawn il-ġrajjiet jgħallmuna li fid-dinja tagħna d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem m’humiex garantiti.  Jeħtieġ li dawn jiġu mħarsa u rispettati fis-soċjetajiet tagħna, u hija r-responsabbiltà tagħna bħala mexxejja politiċi, reliġjużi u edukaturi li nrawmu dan ir-rispett fil-poplu tagħna.  Jeħtieġ li naħdmu flimkien u noħolqu soċjetà li tirrikonoxxi u tirrispetta d-differenzi ta’ bejnietna u l-umanità komuni tagħna.  Dan huwa l-messaġġ li qegħdin niċċelebraw ukoll illejla. 

Sinjuri,

Din il-wirja hija tifkira reali tal-effetti tad-diskriminazzjoni u tar-razziżmu.

Madankollu, “Id-Djarju ta’ Tfajla Żagħżugħa” huwa raġġ ta’ dawl, barka moħbija, indikazzjoni li t-tajjeb jittrijonfa fuq il-ħażen.

Hekk kif nesploraw il-wirja u l-kitbiet ta’ Anne Frank, nieħdu minnhom il-lezzjonijiet bażiċi tal-ħajja, u nsaħħu l-impenn tagħna lejn iż-żamma tal-paċi fil-forom kollha tagħha u fil-livelli kollha.

It-twemmin tagħha fil-fidi u fit-tjubija tan-nies għandu jibqa’ wkoll valur li jiggwida l-ħajja tagħna u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

It-traġedja ta’ din it-tfajla żagħżugħa ġiet ittrasformata f’opportunità għalina lkoll biex nieqfu u nifhmu li l-paċi hija suprema.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow