JUM IL-PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI 2011
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru lbieraħ organizza konferenza f’Dar il-Mediterran, Ċentru tal-Konferenzi, għal uffiċjali pubbliċi inkarigati mill-protezzjoni tad-data personali, biex jiġi mfakkar Jum il-Protezzjoni tad-Data Personali, li jaħbat illum. Dan il-jum qiegħed jiġi ċċelebrat mill-Kunsill tal-Ewropa, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, f’għeluq l-20 sena minn meta tniedet il-Konvenzjoni 108 li tirrigwarda l-ipprocessar tad-data personali b’mod awtomatiku. Malta rratifikat din il-Konvenzjoni fit-28 ta’ Frar 2003, wara li l-Parlament Malti b’mod unanimu għadda l-liġi tal-Protezzjoni u Privatezza tad-Data, Kap 440.
Din l-inizjattiva ġiet imwaqqfa bl-iskop li jittellgħu attivitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini Ewropej isiru dejjem aktar konxji dwar x’informazzjoni tinġabar dwarhom u kif din tiġi pproċessata, kif ukoll biex dawn jifhmu x’inhuma d-drittijiet tagħhom rigward dan l-ipproċessar. Is-Servizz Pubbliku ilu jikkommemora dan il-Jum minn meta twaqqfet din l-inizjattiva fl-2007.
Indirizza din il-konferenza fost oħrajn Dr. Godwin Grima, Segretarju Permanenti Ewlieni. Huwa għamel referenza għall-qafas legali mħaddan fl-Unjoni Ewropea. Sostna li, minkejja li s-Servizz Pubbliku minn dejjem kien josserva l-kunfidenzjalità meta jipproċessa data personali, il-liġi tal-Protezzjoni u Privatezza tad-Data daħħlitna f’dimensjoni oħra – dik li toħloq bilanċ bejn il-bżonn li l-entitajiet jipproċessaw l-informazzjoni biex jagħtu servizz, u d-dritt tal-individwu għall-privatezza tiegħu. Huwa ta rendikont ukoll tal-progress li sar fiċ-Civil f’dan il-qasam, fosthom t-taħriġ li ngħata lil numru kbir ta’ uffiċjali, kif ukoll it-twinning agreement finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Huwa appella lil dawn l-uffiċjali biex jibqgħu viġilanti biex jissalvagwardjaw il-privatezza tal-individwi biex tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza fis-Servizz Pubbliku.
Għal din l-okkażjoni ġie mistieden is-Sur Liam Duncan, uffiċjal mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni fir-Renju Unit. Hu għamel referenza partikolari għas-settur pubbliku fl-Ingilterra u tkellem dwar l-isfidi li għandhom għall-quddiem. Barra minn hekk, is-Sur Duncan semma ċerti kazijiet partikolari u f’dan il-kuntest spjega l-liġi u proċeduri fl-Ingilterra li bħal Malta għandha sistema fejn il-Kummissarju għad-Data u għall-Informazzjoni huwa l-istess persuna.
Tkellem ukoll is-Sur Joe Ebejer, Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data. Huwa tkellem dwar il-proposti li għaddejjin bħalissa biex tinbidel id-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Data fl-Unjoni Ewropea. Huwa spjega fid-dettal kif dawn jistgħu jaffetwaw kemm l-entitajiet kif ukoll il-persuni. Il-Kummissarju fakkar li fl-aħħar mill-aħħar l-għan aħħari għandu dejjem jibqa’ li jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet u dmirijiet tad-data subject u tal-entitajiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003