KIKKU JWASSAL LEĦEN IT-TFAL DWAR EKO-GĦAWDEX
Ħames mitt tifel u tifla li jattendu l-iskejjel primarji f’Għawdex ħadu sehem f’attività li permezz tagħha ġie introdott il-karattru Kikku. Kikku, li jippersonifika naħla, se jkun l-vuċi tat-tfal għal eko-Għawdex u se jservi bħala l-punt ta’ riferiment għat-tfal Għawdxin kollha biex iwassal l-vuċi tagħhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Għawdex.
Il-Ħamis filgħodu fil-Ministeru għal Għawdex kien hemm attività mhux tas-soltu meta dawn il-ħames mitt student u studenta, akkumpanjati mill-għalliema tagħhom iltaqgħu għall-ewwel darba ma’ Kikku. It-tfal, lebsin l-uniformijiet tal-iskejjel rispettivi tagħhom u jxejru bnadar kuluriti b’messaġġi relatati mal-viżjoni eko-Għawdex, nġabru madwar Kikku li mall-ewwel deher li ġibed is-simpatija tat-tfal kollha preżenti. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex flimkien ma’ diversi sindki ta’ lokalitajiet f’Għawdex ingħaqdu ma’ Kikku biex jilqgħu lit-tfal għal din l-okkażjoni.
Hawnhekk ingħata bidu għal programm qasir fejn Elvira Buttigieg li tattendi l-iskola primarja t’Għajnsielem qrat diskors għan-nom tal-istudenti kollha. Fil-messaġġ tagħha hija qalet li huma ġew ma’ Kikku għax ilkoll jixtiequ li Għawdex ikun aħjar. Fissret kif it-tfal Għawdxin iridu jibqgħu jgawdu s-sbuħija naturali tal-gżira riflessa fil-ħdura tal-kampanja u l-widien u l-ġmiel tal-baħar. It-tfal Għawdxin jaqblu mal-idea ta’ eko-Għawdex u jridu li f’Għawdex ikun hawn aktar indafa fit-toroq, fil-kampanja u fil-bajjiet u b’hekk Għawdex jibqa’ sabiħ għal kulħadd. ‘Nixtiequ li jkollna fejn niġru u nillgħabu ħalli nagħmlu eżerċizzju fiżiku u nkunu b’saħħitna’ qalet fost ħwejjeġ oħra Elvira lil dawk kollha preżenti. Id-diskors tagħha kien ibbażat fuq dak li ssuġerew it-tfal tal-iskejjel primarji Għawdxin waqt attivitajiet ta’ konsultazzjoni speċjali għat-tfal li kienu saru bħala parti mill-konsultazzjoni publika dwar il-viżjoni eko-Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-merħba li taw it-tfal Għawdxin lill-Kikku. Filwaqt li rreferiet għad-diskors tat-tfal, il-Ministru spjegat kif fix-xewqat li esprimew huma wrew biċ-ċar li jridu dak li hemm propost fil-viżjoni eko-Għawdex. Hija fissret kif bħal ma’ mexa ma’ uħud minnhom matul it-toroq tal-belt Victoria, Kikku se jkun qed jimxi mat-tfal Għawdxin biex ikompli jwassal il-messaġġi tagħhom fix-xhur u s-snin li ġejjin u b’hekk jgħin fil-ħidma ta’ dawk kollha nvoluti fit-twettieq ta’ din il-viżjoni.
Il-Ministru rreferiet għal inizjattivi oħra li twettqu b’risq l-istudenti żgħar Għawdxin fil-kuntest tal-ħidma dwar eko-Għawdex. Dawn kienu jinkludu fost l-oħrajn it-tnedija ta’ pakkett tar-riżorsi għall-għalliema, kalendarji b’messaġġi marbuta mal-ħarsien tas-saħħa u l-ambjent, u programm ta’ attivitajiet ta’ natura fiżika li saru u qed jerġgħu jsiru fl-iskejjel kollha ta’ Għawdex. Il-Ministru Giovanna Debono stiednet lit-tfal biex jingħaqdu ma’ Kikku u jkunu parteċipi attivament fil-kampanji li jippromwovu ħarsien tas-saħħa u ambjent, filwaqt li jagħrfu japprezzaw aktar il-wirt storiku u naturali tal-gżira. ‘B’hekk flimkien ma’ Kikku ser inkunu qed naħdmu biex il-viżjoni eko-Għawdex tirnexxi ħalli l-futur ta’ din il-gżira jkun aħjar’ temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono, filwaqt li awgurat li dan l-avveniment jibqa’ miktub fil-memorji ta’ dawk kollha preżenti, għal ħafna snin.
L-attivita ġiet fi tmiemha permezz tal-inawgurazzjoni ta’ wirja li ġiet imħejjija għal din l-okkażjoni fis-sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Waqt li inawgurat il-wirja l-Onor. Giovanna Debono spjegat kif din ġiet msejsa fuq kitbiet u tpinġijiet li saru mit-tfal tal-iskejjel primarji Għawdxin matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni publika dwar eko-Għawdex. Dawn ġew riprodotti b’mod kreattiv u kkulurit li ġie kumplimentat minn xenarju naturali tipiku li joffri dehra mhux tas-soltu ġo din is-sala storika.
Minkejja li parti mill-programm li kellu jsir fl-apert kellu jiġi trasferit minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, dan ma naqqas xejn mill-atmosfera ferreħija li ġiet kreata mill-entużjażmu tat-tfal matul din l-attività.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003