IL-KUMITATI TA’ EKO-SKOLA F’GĦAWDEX F’LAQGĦA MAL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX
Aktar minn 75 tifel u tifla li jattendu tnax-il skola f’Għawdex iltaqgħu mal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono. Dawn l-istudenti lkoll huma membri tal-kumitati mwaqqfa fl-iskejjel rispettivi tagħhom li qed jipparteċipaw fil-programm Eko-Skola. Matul din il-laqgħa, rappreżentanti minn kull kumitat irrappurtaw fuq l-inizjattivi li qed jittieħdu f’dawn l-iskejjel bħala parti mill-impenn tagħhom li jilħqu il-livelli stabiliti f’dan il-programm.
Din kienet l-ewwel darba li saret laqgħa simili fejn dawn l-istudenti setgħu jaqsmu l-esperjenzi pożittivi li gawdew minnhom bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-programm, filwaqt li għamlu suġġerimenti validi biex ikomplu jsebbħu l-ambjenti ta’ madwarhom u b’hekk ikomplu jtejbu dak li diġà kisbu. Dan mhux biss fir-rigward tal-iskejjel iżda ħarġu wkoll bi proposti li jistgħu jsiru ġewwa l-lokalitajiet fejn jgħixu.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-parteċipazzjoni attiva mill-iskejjel Għawdxin f’Eko-Skola. Kompliet tispjega kif din il-laqgħa pprovdiet okkażjoni biex dawn l-istudenti jipparteċipaw b’mod aktar dirett fil-promozzjoni tal-impenn tagħhom ġewwa l-komunitajiet u l-iskejjel tagħhom. Il-Ministru semmiet kif permezz tad-diskorsi tagħhom l-istudenti taw xhieda ta’ kif prattiċi ambjentali tajbin u inizjattivi oħra għenuhom iżidu l-għarfien dwar il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli kif promoss mill-programm Eko-Skola. “Dawn l-għanijiet jaqblu ma’ dawk marbuta mal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fir-rigward tal-viżjoni eko-Għawdex” żiedet tgħid il-Ministru Debono. Fit-tmien tad-diskors tagħha il-Ministru għal Għawdex irreferiet għat-tnedija tal-karattru Kikku li ser ikun il-vuċi tat-tfal fit-twettieq ta’ din il-viżjoni. Dan il-karattru ser ikun imniedi għada permezz ta’ attività li ser tinvolvi tfal u studenti mill-iskejjel kollha ta’ Għawdex. Inizjattiva oħra hija dik ta’ skema għall-iskejjel f’Għawdex li ser tkun qed tiffinanzja t-twettieq ta’ ħafna mill-proposti validi li ġew suġġeriti mill-istudenti waqt din il-laqgħa.
EkoSkola huwa programm internazzjonali li hu mmexxi mill-Foundation for Environmental Education (FEE) u jiffoka fuq it-tmexxija ambjentali. F’Malta dan il-programm huwa koordinat mill-għaqda Nature Trust (Malta) li introduċiet il-programm Eko-Skola f’pajjiżna fis-sena skolastika 2002-2003 ġewwa ħames skejjel f’Malta u waħda f’Għawdex. Preżentament f’pajjiżna qed jipparteċipaw f’dan il-programm aktar minn mitt skola li tnax minnhom huma skejjel f’Għawdex. Il-programm Eko-Skola għandu l-għan li jwassal aktar informazzjoni u joffri opportunità biex studenti żgħar jibdew jaddottaw irwoli parteċipattivi fid-deċiżjonijiet ambjentali u jkunu attivi f’dan ir-rigward, kemm ġewwa l-iskejjel kif ukoll fil-komunità. L-FEE tippromwovi, fuq bażi internazzjonali, ħames programmi ambjentali li jinkludi dak ta’ Eko-Skola. Dawk l-iskejjel li jilħqu livell għoli f’dan il-qasam jiġu ppremjati bil-Green Flag, li huwa titlu ambit u prestiġjuż.
F’Għawdex l-iskejjel primarji tax-Xagħra, Xewkija u n-Nadur kisbu standards li rebbħuhom il-Green Flag filwaqt li dawk tal-Qala u ż-Żebbuġ ġew mogħtija l-medalja tal-fidda u l-bronż rispettivament. Ta’ min isemmi li l-iskola primarja tax-Xagħra, li kienet l-ewwel skola li pparteċipat fil-programm pilota fl-2002, kisbet dan l-unur għat-tieni darba.
Fil-laqgħa mal-Ministru għal Għawdex ħadu sehem ukoll is-Sur Vincent Attard, President tan-Nature Trust Malta, il-Professur Paul Pace, Koordinatur Nazzjonali ta’ Eko-Skola, Chev. Frank Gatt, Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex flimkien mas-Sinjura Marvic Refalo, ko-ordinatriċi ta’ Eko-Skola f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003