Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

pr0141
Date Icon 26/01/2011

Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jikkundanna l-insensittività manifesta tal-Oppożizzjoni li fi stqarrija dal-għodu ippruvat tieħu vantaġġ politiku irħis minn traġedja umana li seħħet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Ministeru jrid jagħmilha ċara li kull inċident li ssemma fl-aħħar jiem qed jittieħed bis-serjetà li ħaqqu u kull wieħed minnhom qiegħed jiġi debitament investigat minn Maġistrat inkwerenti. Il-Ministeru jissolleċita li kemm jista’ jkun dawn l-inkjesti għandhom jiġu konklużi fl-iqsar żmien possibbli.

Filwaqt li juri l-apprezzament tiegħu għall-ħidma kollha u kostanti li qed issir mill-persuni li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-kustodji tal-priġunieri li jinżammu fiha, il-Ministeru jistqarr li dawn l-episodji ma għandhomx jixħtu dell negattiv fil-konfront tal-kura u assistenza li tingħata lill-priġunieri, kif ukoll l-isforzi li jsiru għar-rijabilitazzjoni tagħhom. Il-Ministeru jfakkar ukoll li tul dawn l-aħħar xhur ħa diversi passi sabiex ikompli jissoda s-servizzi li jingħataw fil-Faċilità - fosthom li x-xahar li għadda inħarġet is-sejħa għar-reklutaġġ ta’ Direttur tas-Servizzi Korrettivi, kif ukoll li ġew appuntati numru ta’ Managers f’setturi varji.

Ix-xogħol serju u profond dwar l-operat kollu tal-ħabs huwa wieħed li sar u ser ikompli jsir. Dan qed jingħad fid-dawl tal-fatt li meta wieħed jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin, ma jistax jinjora l-inizjattivi li tnedew f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar sentejn - inizjattivi, li huma kollha ntiżi biex isaħħu s-sistemi korrettivi li għandna fil-pajjiż.

Fi Frar ta’ 2009 il-Ministeru ppubblika ‘White Paper dwar il-Ġustizzja Riparatrici’ li kellha l-għan li twassal għal riforma sħiħa tas-sistema ta’ kif pajjiżna jamministra l-ġustizzja penali tiegħu. Saret konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku li tat lok għal rispons tajjeb u li ġie magħrbul minn-Task Force li twaqqfet apposta. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din it-Task Force kienu ppubblikati fil-31 t’Awwissu u r-rapport tagħha serva bħala bażi biex jitħejja l-abbozz ta’ liġi u regolamenti meħtieġa biex ir-riforma tkun tista tiġi mplimentata. Fil-fatt, l-abbozz tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi għadu kif ġie ppubblikat il-bieraħ stess. 

Inoltre, konformi mar-rakkomandazzjonijiet li kien għamel f’Marzu tal-2009 il-Bord ta’ Inkjesta mwaqqaf apposta biex jeżamina sistemi, proċeduri u strutturi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qed issir ħidma intensiva biex jiġu ndirizzati n-nuqqasijiet identifikati fir-rapport u biex tissaħħaħ f’kull aspett l-istruttura maniġerjali tal-Faċilità.  Dan il-proċess qed jitmexxa b’għaqal kbir u mingħajr daqq ta’ trombi minn Task Force imwaqqaf apposta mill-Ministeru li tiġbor fiha esperti esterni u uffiċjali għolja fil-Ministeru.  Mill-analiżi tat-Task Force ħareġ ċar li l-istruttura organizzativa tal-Faċilità kienet teħtieġ tibdil sostanzjali sabiex jiġu salvagwardjati l-aspetti bażiċi ta’ kontroll, sigurtà, u operazzjonijiet varji oħra. Peress li kien ġie identifikat nuqqas fis-settur tal-middle management tfasslu pożizzjonijiet ta’ Manager fl-oqsma l-aktar importanti strategikament u proprju ftit tal-jiem ilu saru l-ħatriet ta’ dawn l-uffiċċjali li mistennija jkunu pedini mportanti ferm biex titwettaq ir-riforma li l-liġi tal-Ġustizzja Riparatrici trid iġġib fis-seħħ.

Wieħed irid jgħid li dan ix-xogħol kollu qed isir waqt li l-Faċilità qed ikollha tilqa fiha kważi 600 resident, li huwa aktar mid-doppju ta’ dak li kellna ftit snin ilu.  Naturalment din is-sitwazzjoni ma tistax ma tħallix impatt. Madankollu anke f’ċirkostanzi bħal dawn, qatt ma naqas l-impenn biex jibqa’ jsir titjib fl-ambjent u huwa aktar ta’ sodisfazzjoni li ħafna drabi dan sar u qed isir bil-parteċipazzjoni attiva tar-residenti nfushom.

Filwaqt li huwa minnu li n-numru ta’ gwardjani naqas proporzjonalment man-numru ta’ residenti, meta wieħed iħares lejn l-istatistika internazzjonali jsib li l-figuri tagħna huma fil-linja mal-medja ta’ pajjiżi żviluppati oħra.  Pjuttost huma s-sistemi antiki li ndraw u x-xiftijiet li dejjem kienu applikati li jagħtu l-impressjoni li għandna sitwazzjoni li tirrikjedi attenzjoni.  Dan ma jfissirx li m’hemmx lok għal reklutaġġ ġdid, iżda qabel ma dan isir jeħtieġ li jitlesta eżerċizzju dettaljat biex ikun stabbilit f’liema gradi hemm bzonn żieda, u aktar minn hekk, fid-dawl tat-tibdiliet li mistennija jseħħu fil-futur qarib, iridu jiġu identifikati l-livell, il-kwalifiki u l-ispeċjalizzazzjoniet meħtiega biex jiġu ndirizzati l-ħtiġijiet bażiċi bl-aktar mod effettiv.

Fid-dawl ta’ dan kollu huwa żball tal-Oppożizzjoni li l-ewwel tipprova tikseb vantaġġ politiku minn sitwazzjonijiet traġiċi umani li n-natura tagħhom għad trid tiġi ċċarata u t-tieni li tipprova titfa dell ikrah fuq l-operat tal-ħabs. Dan huwa kontra-indikat, żbaljat u għandu jiġi evitat speċjalment fid-dawl tal-fatt li issa fuq l-aġenda parlamentari hemm l-abbozz tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi li għandu jkompli jibdel il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-ħidma li ssir ġewwa fiha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow