DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI, GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI GUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, DWAR L-IMPORTANZA TAD-DJALOGU SOĊJALI F’MALTA, WAQT IL-KONFERENZA CLOSER TO EUROPE – FURJANA – 26-01-2011
Sinjuri,
Huwa ta’ pjaċir u ta’ sodisfazzjon li wara xhur ta’ ħidma u preparamenti, qegħdin hawn illum biex invaraw dan il-proġett ambizzjuż u importanti, b’għan speċifiku – dak li nsaħħu d-djalogu soċjali f’pajjiżna.
Kienet opportunità kbira għall-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali meta fl-2009 ngħata fondi Ewropej sabiex jibda dan il-proġett, intitolat Closer to Europe. Issa li saret il-ħidma meħtieġa biex il-proġett jibda jitwettaq, importanti li kulħadd jifhem l-importanza tiegħu.
Din hi l-ewwel darba li l-MCESD qed jikseb fondi mill-Unjoni Ewropea biex iwettaq proġett ħalli jissaħħaħ id-djalogu soċjali u biex jikber l-għarfien tal-pubbliku dwar il-ħidma tal-MCESD, li minn kemm ilu mwaqqaf ħadem biex f'pajjiżna saru bidliet u riformi kbar bi qbil bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.
L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea, EU 2020, għandha l-għan li tikkumbatti l-isfidi l-kbar li l-Unjoni qed tħabbat wiċċha magħhom, fosthom in-nuqqas ta' kompetittività, pensjonijiet mhux sostenibbli u sfidi ambjentali. Id-djalogu soċjali jrid jibqa’ element importanti f’din l-istrateġija għax dan iwassal għal koeżjoni bejn il-pajjiżi membri tal-UE u anke l-pajjiżi kompetituri tal-UE. Il-proġett Closer to Europe se jgħin biex Malta tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea u jiżdied l-apprezzament tal-pubbliku għal din il-ħidma.
Fi ftit kliem, l-għan tal-Proġett huwa li jinkoraġġixxi u jixpruna l-iżvilupp ta’ aktar djalogu soċjali effettiv f’pajjiżna. Bħala parti minn dan il-proġett, sal-aħħar ta' Frar se jkun tlesta stħarriġ fost il-pubbliku dwar il-perċezzjoni tiegħu tad-djalogu soċjali fil-pajjiż u se jkun hemm ukoll stħarriġ fost il-membri tal-MCESD dwar kif id-djalogu soċjali u ċivili f'Malta jitqabbel ma dak barra minn pajjiżna.
B’sodisfazzjon ngħid li f’Malta għandna tradizzjoni qawwija ta’ djalogu soċjali. L-MCESD ilu mwaqqaf 19-il sena u l-Liġi tal-MCESD ilha li għaddiet 10 snin.
L-MCESD hu l-Kunsill li jagħti l-pariri u jkun ikkonsultat mill-Gvern Malti fuq materji ekonomiċi u soċjali u li jkunu ta’ interess nazzjonali. L-MCESD jiġbor fi ħdanu lill-Gvern, lil min iħaddem u l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema. Il-Gvern jikkonsultah regolarment.
Tul dawn is-snin kollha l-MCESD
• bena esperjenza kbira;
• għen biex jitjieb id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali;
• għen biex ikollna klima industrijali kwieta, kalma – ikolli ngħid b’saħħtu;
• kien strumentali biex saru l-bidliet neċessarji fil-Liġi tax-Xogħol;
• għen fuq numru ta’ riformi importanti fosthom fuq ir-riforma tal-pensjonijiet u tal-kera;
• jgħin kull sena fit-tfassil tal-budgets;
• jagħti sehmu fil-fora Ewropej.
B’xorti ħażina ħafna drabi l-MCESD jissemma fl-aħbarijiet biss meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil dwar temi partikolari u meta jkunu qed jiġu diskussi materji ta’ importanza nazzjonali. Fil-verità l-MCESD ikun involut fid-diskussjoni u jagħti sehmu regolarment dwar affarijiet importanti li jkunu qed jiġru fil-pajjiż. L-MCESD hu forum li fih infittxu l-konsenus u b’sodisfazzjon ngħid li dan nilħquh kważi dejjem.
Il-Gvern jikkonsulta lill-membri tal-MCESD regolarment b’laqgħat ta’ mill-anqas darba fix-xahar intiżi sabiex jgħinuh ifassal deċiżjonijiet fl-aħjar interessi tal-ħaddiema u tal-industrija f’pajjiżna biex ikompli jiżdied l-investiment u x-xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Meta jkun jinħtieġ l-MCESD jiltaqa’ aktar spiss biex jiddiskuti temi importanti u ta’ natura urġenti.
Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fid-djalogu soċjali u poġġieh fuq l-aġenda nazzjonali. Bejn Marzu 2008 u Jannar 2011 il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) iltaqa’ 47 darba. Dawn il-laqgħat saru fl-isfond ta’ numru ferm akbar ta’ laqgħat tal-kumitati ta’ ħidma tal-istess MCESD li twaqqfu apposta biex jiddiskutu temi speċifiċi.
Dan jixhed l-importanza li l-Gvern jagħti lid-djalogu soċjali f’pajjiżna aktar u aktar meta wieħed iqis li l-MCESD hu wieħed biss mill-fora għad-dispożizzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjeta’ ċivili fejn il-Gvern hu impenjat f’laqgħat ta’ konsultazzjoni u djalogu. Ma rridux ninsew li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern waqqaf il-MEUSAC li permezz tiegħu l-imsieħba soċjali u l-NGO’s ikollhom l-opportunita’ jiddiskutu dwar leġislazzjoni u direttivi li jkunu qed jiġu proposti fl-Unjoni Ewropea.
Minkejja li d-djalogu soċjali f’pajjiżna hu wieħed b’saħħtu xorta hemm numru ta’ sfidi li nixtiequ nindirizzaw.
Fost l-oħrajn hu importanti li
• il-membri tal-MCESD ifittxu l-interessi tas-settur tagħhom mingħajr ma jinsew l-interess nazzjonali;
• il-membri tal-MCESD jkunu ppreparati aħjar f’dak li hu t-tħaddim tal-mudell ta’ djalogu soċjali Ewropew;
• il-back-up ammininistrattiv tal-MCESD jissaħħaħ
• nikkunsidraw li nżidu l-working groups tal-MCESD biex il-biċċa l-kbira tax-xogħol meħtieġ isir fihom ?
• għal-laqgħat jiġu mistiedna aktar esperti biex jikkontribwixxu għad-diskussjoni – b’hekk il-membri jiffurmaw opinjonijiet infurmati.
Il-proġett Closer to Europe għandu l-iskop li jgħin biex jintlaħqu wħud minn dawn l-għanijiet. Fosthom li
a) jgħin lill-partijiet interessati kollha jiksbu l-iżjed informazzjoni aġġornata dwar kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u oħrajn relatati mal-Unjoni Erwopea; u
b) jippromwovi t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja u l-appoġġ għal inizjattivi ta’ networking.
Apparti dan, il-proġett, iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, ser jgħin lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ikabbru l-għarfien tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea u żviluppi f’oqsma rilevanti fil-politika lokali. Dan sabiex l-imsieħba soċjali jkunu f’pożizzjoni iżjed vantaġġjuza biex jadottaw opinjonijiet b’saħħithom u jfasslu l-aħjar triq għall-membri li huma jirrappreżentaw.
Il-proġett għandu l-objettiv ukoll li jinkoraġġixxi rwol iżjed attiv u parteċipazzjoni iżjed wiesa’ fid-djalogu soċjali u ċivili f’pajjiżna. Huwa l-għan ta’ Closer to Europe li jtejjeb il-proċessi li permezz tagħhom jittieħdu d-deċiżjonijiet f’pajjiżna u biex – fuq kollox – nikkonsolidaw it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali.
Fl-aħħar, iżda mhux l-anqas, huwa l-għan tagħna li permezz ta’ dan il-proġett niżviluppaw pjattaforma attiva fejn il-politika soċjo-ekonomika titfassal u tiġi ppreżentata lill-pubbliku. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri kollha, kif diġa smajtu, il-Proġett se jkun maqsum fi tlett partijiet – studju ta’ riċerka, sessjonijiet ta’ taħriġ, u kampanja ta’ komunikazzjoni u għarfien.
Hemm bżonn li b’dan il-Proġett nimmarkaw il-punti b’saħħithom tad-Djalogu Soċjali f’pajjiżna. Daqstant ieħor huwa importanti li nimmarkaw il-punti dgħajfa li hemm bżonn jissaħħu. Fuq kollox il-Proġett għandu jistudja t-theddid li jaf ikun hemm għad-djalogu soċjali fil-pajjiż. Din l-analiżi, imbagħad, isservi ta’ gwida kostruttiva għall-promozzjoni tal-istess djalogu.
Is-sessjonijiet ta’ taħriġ ser jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-imsieħba soċjali sabiex naraw fejn huma dawk l-oqsma li fihom għad iridu jissaħħu u nagħtuhom l-għajnuna biex jagħmlu dan.
Fażi interessanti tal-Proġett se tkun bla dubju l-kampanja ta’ informazzjoni li se jkollha l-għan li ttejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni u tkabbar l-għarfien tad-djalogu soċjali fost l-imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali. Matul din il-kampanja se jkollna, fost l-oħrajn:
a) għoxrin ħarġa ta’ pubblikazzjoni ta’ kull xahar dwar aħbarijiet Ewropej u lokali u oqsma ta’ politika relatati;
b) il-ftuħ ta’ web portal, b’aċċess għal kulħadd;
c) faċilitajiet għal taħriġ lil 48 benefiċjarju għal total ta’ 150 siegħa;
d) sitt ħarġiet ta’ pubblikazzjoni ta’ kull tlett xhur dwar kwistjonijiet ta’ politika Ewropea;
e) faċilitajiet għal mill-anqas għaxar seminars jew konferenzi - kemm għal finijiet ta’ konsultazzjoni kif ukoll biex jiġġeneraw dibattitu soċjali attiv dwar kwistjonijiet ċentrali;
f) pubblikazzjoni finali li turi l-kisbiet ewlenin tal-proġett; u
g) kampanja ta’ informazzjoni qawwija fuq il-mezzi tax-xandir, fosthom ir-radju u t-televiżjoni.
Dan kollu jfisser żmien eċċitanti għall-promozzjoni u l-ħidma favur id-djalogu soċjali f’pajjiżna. Aktar u aktar meta wieħed jiftakar li ftit tal-ġimgħat ilu fl-MCESD irnexxielna nilħqu consensus fuq it-twaqqif ta’ kumitat ta’ ħidma biex ihejji rapport fuq il-mod kif jaħdem l-MCESD, fuq ir-rappreżentanza u l-bqija.
Ma nistax hawn ma nirringrazzjax lill-MCESD u lil dawk kollha rappreżentanti fih, li lkoll qed jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ġid ta’ pajjiżna. Fuq kollox, ħajr liċ-chariman Dr Sonny Portelli, lis-segretarju eżekuttiv Sylvia Gauci, lill-project leader Adriana Chircop u lill-istaff kollu. Ta’ min wieħed jirrimarka wkoll dwar l-assistenza mogħtija mill-MEUSAC sabiex l-MCESD seta’ kiseb dawn il-fondi u biex il-proġetti ikun possibbli.
Nappella biex kulħadd jagħmel l-almu tiegħu sabiex minn dan il-Proġett pajjiżna jieħu l-aqwa riżultati possibbli. Nappella wkoll biex l-imsieħba soċjali kollha – Gvern, unions u employers – jersqu aktar lejn xulxin b’tali mod li l-proċess tad-djalogu soċjali jitjieb. Wara kollox l-għan aħħari tagħna lkoll hu li jiżdied it-tkabbir ekonomiku u jkollna koeżjoni soċjali akbar.
Grazzi ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003