Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI, GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI GUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, DWAR L-IMPORTANZA TAD-DJALOGU SOĊJALI F’MALTA, WAQT IL-KONFERENZA CLOSER TO EUROPE – FURJANA – 26-01-2011

pr0139
Date Icon 26/01/2011

Sinjuri,

Huwa ta’ pjaċir u ta’ sodisfazzjon li wara xhur ta’ ħidma u preparamenti, qegħdin hawn illum biex invaraw dan il-proġett ambizzjuż u importanti, b’għan speċifiku – dak li nsaħħu d-djalogu soċjali f’pajjiżna.

Kienet opportunità kbira għall-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali meta fl-2009 ngħata fondi Ewropej sabiex jibda dan il-proġett, intitolat Closer to Europe. Issa li saret il-ħidma meħtieġa biex il-proġett jibda jitwettaq, importanti li kulħadd jifhem l-importanza tiegħu.

Din hi l-ewwel darba li l-MCESD qed jikseb fondi mill-Unjoni Ewropea biex iwettaq proġett ħalli jissaħħaħ id-djalogu soċjali u biex jikber l-għarfien tal-pubbliku dwar il-ħidma tal-MCESD, li minn kemm ilu mwaqqaf ħadem biex f'pajjiżna saru bidliet u riformi kbar bi qbil bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.

L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea, EU 2020, għandha l-għan li tikkumbatti l-isfidi l-kbar li l-Unjoni qed tħabbat wiċċha magħhom, fosthom in-nuqqas ta' kompetittività, pensjonijiet mhux sostenibbli u sfidi ambjentali. Id-djalogu soċjali jrid jibqa’ element importanti f’din l-istrateġija għax dan iwassal għal koeżjoni bejn il-pajjiżi membri tal-UE u anke l-pajjiżi kompetituri tal-UE. Il-proġett Closer to Europe se jgħin biex Malta tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea u jiżdied l-apprezzament tal-pubbliku għal din il-ħidma.

Fi ftit kliem, l-għan tal-Proġett huwa li jinkoraġġixxi u jixpruna l-iżvilupp ta’ aktar djalogu soċjali effettiv f’pajjiżna. Bħala parti minn dan il-proġett, sal-aħħar ta' Frar se jkun tlesta stħarriġ fost il-pubbliku dwar il-perċezzjoni tiegħu tad-djalogu soċjali fil-pajjiż u se jkun hemm ukoll stħarriġ fost il-membri tal-MCESD dwar kif id-djalogu soċjali u ċivili f'Malta jitqabbel ma dak barra minn pajjiżna.

B’sodisfazzjon ngħid li f’Malta għandna tradizzjoni qawwija ta’ djalogu soċjali. L-MCESD ilu mwaqqaf 19-il sena u l-Liġi tal-MCESD ilha li għaddiet 10 snin.

L-MCESD hu l-Kunsill li jagħti l-pariri u jkun ikkonsultat mill-Gvern Malti fuq materji ekonomiċi u soċjali u li jkunu ta’ interess nazzjonali. L-MCESD jiġbor fi ħdanu lill-Gvern, lil min iħaddem u l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema. Il-Gvern jikkonsultah regolarment.

Tul dawn is-snin kollha l-MCESD

• bena esperjenza kbira;

• għen biex jitjieb id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali;

• għen biex ikollna klima industrijali kwieta, kalma – ikolli ngħid b’saħħtu;

• kien strumentali biex saru l-bidliet neċessarji fil-Liġi tax-Xogħol;

• għen fuq numru ta’ riformi importanti fosthom fuq ir-riforma tal-pensjonijiet u tal-kera;

• jgħin kull sena fit-tfassil tal-budgets;

• jagħti sehmu fil-fora Ewropej.

B’xorti ħażina ħafna drabi l-MCESD jissemma fl-aħbarijiet biss meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil dwar temi partikolari u meta jkunu qed jiġu diskussi materji ta’ importanza nazzjonali. Fil-verità l-MCESD ikun involut fid-diskussjoni u jagħti sehmu regolarment dwar affarijiet importanti li jkunu qed jiġru fil-pajjiż. L-MCESD hu forum li fih infittxu l-konsenus u b’sodisfazzjon ngħid li dan nilħquh kważi dejjem.

Il-Gvern jikkonsulta lill-membri tal-MCESD regolarment b’laqgħat ta’ mill-anqas darba fix-xahar intiżi sabiex jgħinuh ifassal deċiżjonijiet fl-aħjar interessi tal-ħaddiema u tal-industrija f’pajjiżna biex ikompli jiżdied l-investiment u x-xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Meta jkun jinħtieġ l-MCESD jiltaqa’ aktar spiss biex jiddiskuti temi importanti u ta’ natura urġenti.

Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fid-djalogu soċjali u poġġieh fuq l-aġenda nazzjonali. Bejn Marzu 2008 u Jannar 2011 il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) iltaqa’ 47 darba.   Dawn il-laqgħat saru fl-isfond ta’ numru ferm akbar ta’ laqgħat tal-kumitati ta’ ħidma tal-istess MCESD li twaqqfu apposta biex jiddiskutu temi speċifiċi.

Dan jixhed l-importanza li l-Gvern jagħti lid-djalogu soċjali f’pajjiżna aktar u aktar meta wieħed iqis li l-MCESD hu wieħed biss mill-fora għad-dispożizzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjeta’ ċivili fejn il-Gvern hu impenjat f’laqgħat ta’ konsultazzjoni u djalogu. Ma rridux ninsew li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern waqqaf il-MEUSAC li permezz tiegħu l-imsieħba soċjali u l-NGO’s ikollhom l-opportunita’ jiddiskutu dwar leġislazzjoni u direttivi li jkunu qed jiġu proposti fl-Unjoni Ewropea.

Minkejja li d-djalogu soċjali f’pajjiżna hu wieħed b’saħħtu xorta hemm numru ta’ sfidi li nixtiequ nindirizzaw.

Fost l-oħrajn hu importanti li

• il-membri tal-MCESD ifittxu l-interessi tas-settur tagħhom mingħajr ma jinsew l-interess nazzjonali;

• il-membri tal-MCESD jkunu ppreparati aħjar f’dak li hu t-tħaddim tal-mudell ta’ djalogu soċjali Ewropew;

• il-back-up ammininistrattiv tal-MCESD jissaħħaħ

• nikkunsidraw li nżidu l-working groups tal-MCESD biex il-biċċa l-kbira tax-xogħol meħtieġ isir fihom ?

• għal-laqgħat jiġu mistiedna aktar esperti biex jikkontribwixxu għad-diskussjoni – b’hekk il-membri jiffurmaw opinjonijiet infurmati.

Il-proġett Closer to Europe għandu l-iskop li jgħin biex jintlaħqu wħud minn dawn l-għanijiet.  Fosthom li

a) jgħin lill-partijiet interessati kollha jiksbu l-iżjed informazzjoni aġġornata dwar kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u oħrajn relatati mal-Unjoni Erwopea; u

b) jippromwovi t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja u l-appoġġ għal inizjattivi ta’ networking.

Apparti dan, il-proġett, iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, ser jgħin lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ikabbru l-għarfien tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea u żviluppi f’oqsma rilevanti fil-politika lokali. Dan sabiex l-imsieħba soċjali jkunu f’pożizzjoni iżjed vantaġġjuza biex jadottaw opinjonijiet b’saħħithom u jfasslu l-aħjar triq għall-membri li huma jirrappreżentaw.

Il-proġett għandu l-objettiv ukoll li jinkoraġġixxi rwol iżjed attiv u parteċipazzjoni iżjed wiesa’ fid-djalogu soċjali u ċivili f’pajjiżna. Huwa l-għan ta’ Closer to Europe li jtejjeb il-proċessi li permezz tagħhom jittieħdu d-deċiżjonijiet f’pajjiżna u biex – fuq kollox – nikkonsolidaw it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali.

Fl-aħħar, iżda mhux l-anqas, huwa l-għan tagħna li permezz ta’ dan il-proġett niżviluppaw pjattaforma attiva fejn il-politika soċjo-ekonomika titfassal u tiġi ppreżentata lill-pubbliku. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri kollha, kif diġa smajtu, il-Proġett se jkun maqsum fi tlett partijiet – studju ta’ riċerka, sessjonijiet ta’ taħriġ, u kampanja ta’ komunikazzjoni u għarfien.

Hemm bżonn li b’dan il-Proġett nimmarkaw il-punti b’saħħithom tad-Djalogu Soċjali f’pajjiżna. Daqstant ieħor huwa importanti li nimmarkaw il-punti dgħajfa li hemm bżonn jissaħħu. Fuq kollox il-Proġett għandu jistudja t-theddid li jaf ikun hemm għad-djalogu soċjali fil-pajjiż. Din l-analiżi, imbagħad, isservi ta’ gwida kostruttiva għall-promozzjoni tal-istess djalogu.

Is-sessjonijiet ta’ taħriġ ser jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-imsieħba soċjali sabiex naraw fejn huma dawk l-oqsma li fihom għad iridu jissaħħu u nagħtuhom l-għajnuna biex jagħmlu dan.

Fażi interessanti tal-Proġett se tkun bla dubju l-kampanja ta’ informazzjoni li se jkollha l-għan li ttejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni u tkabbar l-għarfien tad-djalogu soċjali fost l-imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali. Matul din il-kampanja se jkollna, fost l-oħrajn:

a) għoxrin ħarġa ta’ pubblikazzjoni ta’ kull xahar dwar aħbarijiet Ewropej u lokali u oqsma ta’ politika relatati;

b) il-ftuħ ta’ web portal, b’aċċess għal kulħadd;

c) faċilitajiet għal taħriġ lil 48 benefiċjarju għal total ta’ 150 siegħa;

d) sitt ħarġiet ta’ pubblikazzjoni ta’ kull tlett xhur dwar kwistjonijiet ta’ politika Ewropea;

e) faċilitajiet għal mill-anqas għaxar seminars jew konferenzi - kemm għal finijiet ta’ konsultazzjoni kif ukoll biex jiġġeneraw dibattitu soċjali attiv dwar kwistjonijiet ċentrali;

f) pubblikazzjoni finali li turi l-kisbiet ewlenin tal-proġett; u

g) kampanja ta’ informazzjoni qawwija fuq il-mezzi tax-xandir, fosthom ir-radju u t-televiżjoni.

Dan kollu jfisser żmien eċċitanti għall-promozzjoni u l-ħidma favur id-djalogu soċjali f’pajjiżna. Aktar u aktar meta wieħed jiftakar li ftit tal-ġimgħat ilu fl-MCESD irnexxielna nilħqu consensus fuq it-twaqqif ta’ kumitat ta’ ħidma biex ihejji rapport fuq il-mod kif jaħdem l-MCESD, fuq ir-rappreżentanza u l-bqija.

Ma nistax hawn ma nirringrazzjax lill-MCESD u lil dawk kollha rappreżentanti fih, li lkoll qed jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ġid ta’ pajjiżna. Fuq kollox, ħajr liċ-chariman Dr Sonny Portelli, lis-segretarju eżekuttiv Sylvia Gauci, lill-project leader Adriana Chircop u lill-istaff kollu. Ta’ min wieħed jirrimarka wkoll dwar l-assistenza mogħtija mill-MEUSAC sabiex l-MCESD seta’ kiseb dawn il-fondi u biex il-proġetti ikun possibbli.

Nappella biex kulħadd jagħmel l-almu tiegħu sabiex minn dan il-Proġett pajjiżna jieħu l-aqwa riżultati possibbli. Nappella wkoll biex l-imsieħba soċjali kollha – Gvern, unions u employers – jersqu aktar lejn xulxin b’tali mod li l-proċess tad-djalogu soċjali jitjieb. Wara kollox l-għan aħħari tagħna lkoll hu li jiżdied it-tkabbir ekonomiku u jkollna koeżjoni soċjali akbar.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow