SEBA’ DARBIET AKTAR ADULTI QED JATTENDU GĦALL-KORSIJIET TA’ TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA FIL-KUNSILLI LOKALI
Bejn l-2009 u l-2010, kienet reġistrata żieda ta’ 708 fil-mija fost l-adulti li jsegwu wieħed mill-korsijiet permezz tal-Iskema ta’ Għajnuna Finanzjarja għall-Korsijiet Tagħlim Tul il-Ħajja magħrufa wkoll bħala evening classes. Il-parteċipanti żdiedu għal 1,111. Il-Kunsilli Lokali li qed joffru dawn il-korsijiet ukoll żdiedu – minn 11 għal 28. Tlieta minn dawn il-Kunsilli Lokali jinsabu f’Għawdex.
Il-korsijiet li qed jiġu organizzati jwasslu għal ċertifikati ekwivalenti għall-ewwel livell tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (European Qualifications Framework – EQF) u l-Qafas Malti tal-Kwalifiki (Malta Qualifications Framework – MQF).
Din is-sena qed jiġu organizzati total ta’ 104 korsijiet li għalihom qed jattendu 1,111-il adult. Dawn jinkludu 413-il ruħ li għandhom anqas minn 35 sena.
Il-korsijiet qed jitmexxew minn 95 edukatur u tliet evening class co-ordinators. Xogħolhom hu li jipprovdu 96 siegħa ta’ tagħlim għal 32 ġimgħa bejn Ottubru u Mejju, u jassiguraw livelli għolja ta’ kwalità fit-tagħlim.
Waqt żjara li għamel fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fejn qed jiġu offruti numru minn dawn il-korsijiet, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Chris Said, qal li s-suċċess tal-iskema u tal-korsijiet Tagħlim Tul il-Ħajja huwa riżultat tas-sinerġija u l-kollaborazzjoni li teżisti bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u d-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.
L-għan tal-korsijiet hu li jkun miġġieled l-illitteriżmu fost l-adulti, jiġu introdotti korsijiet ġodda li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-isfidi ekonomiċi ta’ soċjetà moderna parti minn dinja globalizzata u li dawn l-adulti jkunu inkoraġġiti jiskbu kwalifiċi anki tard matul ħajjithom. Statistiċi juru li seba’ fil-mija biss tal-adulti Maltin ikomplu jistudjaw. Il-mira Ewropea hi li sal-2020, 15 fil-mija tal-adulti jipparteċipaw f’tagħlim tul il-ħajja.
Il-korsijiet fit-tagħlim bażiku tal-Malti u l-Ingliż u l-Matematika qed ikunu issussidjati 100 fil-mija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Il-korsijiet l-oħra kollha fosthom il-lingwi bħal Malti għal Barranin, it-Taljan, Spanjol, Ġermaniż, Franċiż u taħriġ ieħor fl-apprezzament tal-Arti u l-Kultura u s-Saħħa fost oħrajn huma ssussidjati parzjalment mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-Kunsilli Lokali qed jitgħallmu jagħmlu marketing u jagħmlu kampanji ta’ outreach biex jinkoraġixxu aktar adulti jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet.
Barra minn hekk il-Kunsilli Lokali qed jikkollaboraw mal-iskejjel fil-komunitajiet tagħhom hekk kif għal uħud mill-korsijiet qed jintużaw il-binjiet tal-iskejjel. Fil-fatt il-proġett qed jgħin ukoll biex tintlaħaq il-mira li l-iskejjel isiru ċentri ta’ tagħlim fil-komunità kif stabbilit mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.
Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm id-Direttur tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, Carmelo Abela, id-Direttur tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Mario Azzopardi, il-Viċi tas-Sindku tas-Siġġiewi, Karol Aquilina u kunsilliera sħabu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003