STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT DWAR IL-KONKLUŻJONIJIET TA’ STANDARD AND POOR’S FUQ IL-KORPORAZZJONI ENEMALTA
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jinnota l-konklużjonijiet tal-aġenzija tal-credit rating Standard and Poor’s li tniżżel il-grading tal-Korporazzjoni Enemalta b’livell wieħed, għal B-.
Fost ir-raġunijiet prinċipali msemmija mill-aġenzija, din tindika n-nuqqas u għalhekk il-ħtieġa ta’ arranġamenti aktar b’saħħithom, fir-rigward tal-istabbilità finanzjarja tal-kumpanija.
Ir-raġuni prinċipali li rriżultat f’din is-sitwazzjoni, skont Standard and Poor’s, kien li fil-passat, it-tariffi tal-Enemalta ma kienux jirriflettu l-varjazzjonijiet li kien hemm fit-tibdil tal-ispejjez tal-Enemalta għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, inkluż iż-żiediet kolla fil-prezz taż-żejt, li minkejja s-sussidji diretti tal-Gvern ma kienux biżżejjed biex ikopru iż-żieda ogħla fil-fuel f'dawn l-aħħar snin.
Nuqqas importanti, u li jirreferu għalih Standards and Poor’s, hu l-fatt li l-istrutturi tat-tariffi fil-passat ma' kienux jirriflettu l-invesitment kapitali li sar fis-snin preċedenti.
Għaldaqstant, l-Enemalta spiċċat tirreġistra telf kbir, li ssarraf f’dejn akbar għall-Korporazzjoni, li ma kienx sostenibbli. Din il-problema ġiet indirizzata bit-tibdil fil-metodu ta’ kif jinħadmu t-tariffi billi llum it-tariffi huma maħduma fuq formola stabbilita u approvata mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, u li tinkorpora l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-elettriku u l-hekk imsejjaħ ROCE (Return on Capital Employed) li hu meħtieġ biex il-Korporazzjoni tirkupra fuq numru ta' snin l-investiment li jkun sar.
Kif kien ħabbar il-Ministru fil-Parlament, il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda taħdem fuq pjan fit-tul għar-rifinanzjament tad-djun tagħha. Il-ħsieb wara dan il-pjan huwa li jpoġġi lill-Enemalta fuq sisien finanzjarji aktar sodi u sostenibbli, u b'hekk tkun tista’ tkompli taqdi l-funzjoni tagħha li hija tant vitali għall-ekonomija tal-pajjiż.
Kif ġie nnutat mill-istess rapport, ħafna mix-xogħol għal dan il-pjan twettaq u l-ħsieb tal-Gvern hu li fil-futur qrib jgħaddi għat-twettieq ta’ dan il-pjan.
Fl-istess waqt, il-Korporazzjoni waslet sabiex taġġorna u tkun regolari fl-irrapportar finanzjarju tagħha. Dan għandu jgħin is-sostenibbilità finanzjarja tal-Enemalta. Il-Gvern kommess li jkompli jaħdem biex itejjeb l-effiċjenza tal-Korporazzjoni u jnaqqas l-infiq għal dak li huwa essenzjalment bżonnjuż sabiex ikun f’pożizzjoni li jnaqqas il-piżijiet li mhumiex bżonnjużi.
L-istess waqt, ir-rapport ta’ Standard and Poor’s juri kemm il-proposti tal-Oppożizzjoni li jitnaqqas ir-ROCE mill-kontijiet, liema ammont jirrappreżenta l-irkupru fuq l-investiment, iwassal biss għal diffikultajiet kbar għall-istess korporazzjoni li jinkludi diffikultajiet akbar biex tiffinanzja l-investiment fl-estensjoni tal-Power Station u l-Interconnector għall-Sqallija tant meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.
Il-Gvern se jibqa’ jagħmel minn kollox sabiex jagħti s-sostenn meħtieġ lill-Korporazzjoni sabiex tkompli ttejjeb l-operat tagħha u tikkonsolida l-qagħda finanzjarja tagħha.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003