IL-ĦOLQIEN TAX-XOGĦOL, L-INVESTIMENT FL-EDUKAZZJONI, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA U L-INKLUŻJONI SOĊJALI L-PRIORITAJIET TAL-PROGRAMM NAZZJONALI TA’ RIFORMA
Il-ħolqien tax-xogħol, l-investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-enerġija kif ukoll l-inklużjoni soċjali huma fost il-prioritajiet tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. L-abbozz ta’ dan il-Programm, li issa huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika, kien preżentat waqt Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010 adotta l-Istrateġija Ewropa 2020 bħala l-istrateġija l-ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv, u li żżomm f’moħħha x’nuqqasijiet kien hemm fl-Istrateġija ta’ Liżbona u fuq kollox żviluppi ġodda fix-xenarju totalment differenti li ninsabu fih illum.
Il-Ministru Tonio Fenech spjega “li din hija strateġija intiża li żżid l-impjiegi, il-produttività u l-koeżjoni soċjali u dan jorbot perfettament mal-miri tal-Gvern Malti.” Fuq bażi ta’ din l-istrateġija Ewropea, l-Istati Membri ntalbu jifformulaw il-Programm tagħhom li għandu l-għan li jwettaq ir-riformi biex din issir suċċess skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-pajjiż.
Il-Ministru Fenech tkellem fuq numru ta’ inizjattivi li huma mmirati biex pajjiżna jilħaq l-għanijiet li qed jitpoġġew f’dan il-Programm. B’mod partikolari, huwa semma’ l-isforzi biex aktar nisa u anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Hawn il-Gvern nieda numru ta’ inizjattivi, fosthom l-eżenzjoni ta’ sena mit-taxxa għan-nisa li jkomplu jaħdmu wara li jkollhom tarbija u d-dritt tal-anzjani li jibqgħu jaħdmu bla ma jitilfu l-pensjoni tagħhom.
Huwa tkellem fuq l-importanza li aktar persuni jkomplu jistudjaw. Dan “għaliex biex inkomplu nattiraw aktar impjiegi ta’ kwalità lejn pajjiżna, f’setturi bħall-farmaċewtika, it-teknoloġija u s-servizzi finanzjarji rridu kontinwament inżidu d-disponibbiltà ta’ ħaddiema bl-aqwa kapaċitajiet u riżorsi.” Madankollu, Tonio Fenech saħaq li dawn l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ huma wkoll mezz importanti li jsaħħu l-inklużjoni soċjali u jagħtu opportunitajiet akbar biex kulħadd igawdi mill-progress li jwettaq il-pajjiż.
Hu għalhekk li l-Gvern kompla jinvesti fis-sistema edukattiva tagħna, fosthom fl-Università, l-MCAST, l-ITS, bil-ħolqien ta’ aktar korsijiet ġodda u investiment sostanzjali fl-infrastruttura. Dan qed jgħin biex aktar studenti kull sena qed ikomplu jistudjaw, fattur li din is-sena fisser li l-Gvern qed jinvesti mal-€1m aktar fi stipendji.
Tonio Fenech tkellem ukoll dwar l-enerġija u dwar il-bżonn li l-pajjiż ikompli jinvesti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija biex ilaħħaq mat-talba akbar għall-enerġija li tirriżulta mit-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. F’dan is-sens, huwa ddeskriva l-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara u l-proġett tal-interconnector bħala kruċjali għal ħolqien tal-impjiegi. Huwa tkellem ukoll dwar l-isforzi li qed isiru biex pajjiżna jirrikkori aktar għall-enerġija alternattiva, u semma’ fost l-oħrajn skemi differenti biex il-pubbliku jkun megħjun jinvesti f’enerġija nadifa, fosthom bix-xiri ta’ solar water heaters u photovoltaic panels.
Il-konsultazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tibqa’ għaddejja sal-1 ta’ Marzu 2011 u kummenti jew opinjonijiet jistgħu jintbagħtu fuq pdd.mfei@gov.mt.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003
pr0134.apdf