Left arrow Mur Lura

DISKORS TAL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, FL-OKKAŻJONI TAL-INDIRIZZ TAL-PRESIDENT TAL-PARLAMENT EWROPEW, L-E.T. PROF. JERZY BUZEK - KAMRA TAD-DEPUTATI TA’ MALTA - 24 TA’ JANNAR 2011

pr0131
Date Icon 24/01/2011

Sur President,

F’isem il-Gvern u l-poplu Malti nixtieq nagħtik merħba hawn Malta u nilqgħek hawnhekk fil-Kamra tad-Deputati, l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Nixtieq ukoll nirringrazzjak għad-diskors tiegħek.

Sa minn meta pajjiżna ssieheb fl-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew dejjem gawda l-ogħla rispett mill-poplu Malti. Ir-rata ta’ Maltin u Għawdxin li ħarġu jivvutaw fiż-żewġ elezzjonijiet li saru s’issa għall-Parlament Ewropew, hija xhieda ta’ dan.  Fiż-żewġ każi, din kienet l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea kollha.

M’għandix dubju li, kif semmejt int, dan ir-rispett huwa dovut ukoll għall-ħidma tal-ħames ewroparlamentari Maltin.  Huma qegħdin jagħtu kontribut siewi u qegħdin jiżguraw li l-vuċi Maltija tinstema fil-Parlament Ewropew, kemm favur Malta kif ukoll favur l-interess komuni Ewropew. Illum, il-Parlament Ewropew qed jilleġisla wkoll għaċ-ċittadini Maltin u Ewropej kollha.

F’isem il-Gvern Malti, nixtieq nirringrazzjahom.

Sur President, kif taf tajjeb, Malta hija wieħed mill-pajjiżi li, grazzi għat-Trattat ta’ Lisbona, se jżidu n-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew.  Fil-każ ta’ pajjiżna, in-numru ta’ siġġijiet se jitla’ minn ħamsa għal sitta.

Dan is-sitt siġġu se jikkoreġi inġustizzja li twettqet f’Diċembru tas-sena 2000, qabel ma Malta kienet issieħbet fl-Unjoni Ewropea, meta t-Trattat ta’ Nizza assenja lil Malta ħames siġġijiet flok sitta.

Malta stinkat sabiex dan jiġi rimedjat, kif fil-fatt seħħ bit-Trattat ta’ Lisbona.

Madankollu, it-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ wara li laħqet saret l-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Kien għalhekk li f’Ġunju li għadda, ġie maqbul protokoll bejn il-Pajjiżi Membri kollha sabiex is-siġġijiet addizzjonali maħsuba fit-Trattat ta’ Lisbona ikunu jistgħu jiġu assenjati qabel l-elezzjoni li jmiss fl-2014.

Din il-Kamra tad-Deputati kienet l-ewwel parlament nazzjonali li rratifikat dan il-protokoll u jiena nittama li l-proċess ta’ ratifika jintemm kemm jista’ jkun malajr. Jiena nistrieħ ukoll fuqek, Sur President, u fuq il-Parlament Ewropew, sabiex jiżgura li din l-allokazzjoni titwettaq mill-aktar fis.

Sur President,

Illum qegħdin ngħixu f’dinja villaġġ fejn lkoll niddependu minn xulxin. Din hija realtà ukoll – jekk mhux aktar – għal pajjiżi żgħar u b’mod partikolari għal gżejjer żgħar bħall-gżejjer Maltin.

Il-prezz internazzjonali taż-żejt, għalkemm ma nikkontrollawhx aħna, qed jaffetwa direttament il-prezz tal-bżonnijiet ta’ kuljum tal-familji tagħna, bħalma huma d-dawl u l-ilma, kif ukoll l-ispejjez tal-industrija tagħna.

Is-sitwazzjoni politika fl-Afrika, taffetwa l-flussi migratorji li jaslu f’Malta.

Il-kriżi ekonomika internazzjonali taffetwa x-xogħol u l-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiema tagħna.

Dawn huma l-isfidi globali li jaffetwaw il-ħajja ta’ kuljum tal-familji tagħna.

Ebda pajjiż ma jista’ jegħleb dawn l-isfidi waħdu. Huwa għalhekk li jeħtieġ, aktar minn qatt qabel, li nifhmu lil xulxin, niddeċiedu u naħdmu flimkien.

Qegħdin ngħixu flimkien u m’hemmx triq oħra ħlief li naħdmu flimkien.

L-istorja hija miżgħuda b’eżempji ta’ tbatija u anki traġedji li rriżultaw meta soċjetajiet u pajjiżi telqu għal rashom u ħadmu kontra xulxin flok ħadmu flimkien.

Jiena nagħraf li l-Parlament Ewropew dan jifhmu sew u jappoġġja b’mod assidwu kemm il-proċess fejn niddeċiedu flimkien kif ukoll il-proċess ta’ għaqda Ewropea.

U biex niddeċiedu flimkien jeħtieġ li nifhmu aktar lil xulxin u l-ħtiġijiet partikolari tagħna.

Jiena naf li l-Parlament Ewropew huwa konxju sew ta’ ċerti ċirkustanzi li jaffetwaw lil Malta f’oqsma partikolari, bħalma hija l-immigrazzjoni.

Sur President, aħna nafu u napprezzaw li għalik s-solidarjetà tfisser ferm iżjed minn slogan.  L-impenn tiegħek fil-ħajja pubblika huwa l-aqwa xhieda ta’ dan.

Aħna qed insegwu mill-viċin il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew favur is-solidarjetà f’dan il-qasam, kemm fuq it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ qsim tal-piż kif ukoll fuq ir-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin.  Aħna nqisu li r-regolament ta’ Dublin għandu jiġi rivedut għaliex qiegħed ipoġġi piż sproporzjonat fuq il-pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni meta huwa ġust li dan il-piż jinqasam bejn kulħadd.

Id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ġimgħa li għaddiet tagħti raġun lill-pajjiżi bħal Malta meta nargumentaw li dan il-piż għandu jitqassam aħjar. U jiena nappella lill-Parlament Ewropew biex ikompli jinsisti fuq il-pożizzjoni tiegħu sabiex jintlaħaq qbil ġust fuq din il-materja li, wara kollox, hija ta’ interess komuni u mhux ta’ pajjiż wieħed biss.

Fil-kuntest tas-solidarjetà, ma nistax ma ningħaqadx miegħek Sur President, fuq il-qagħda fit-Tunesija.

F’dan il-pajjiż qrib tagħna għaddej taqlib kbir hekk kif il-poplu Tuneżin qed isemma l-vuċi tiegħu għad-demokrazija. Din il-karba għad-demokrazija tmissna fil-viċin lilna fl-Ewropa, għaliex id-demokrazija hija valur fundamentali u li fuqu hija mibnija l-għaqda Ewropea.

Bħala rappreżentanti parlamentari, kemm aħna fil-parlamenti nazzjonali, kif ukoll intom fil-Parlament Ewropew, dan nafuh sew. Għaldaqstant, f’dan il-mument ta’ sfida, huwa xieraq li aħna nesprimu s-solidarjetà sħiħa tagħna mal-poplu Tuneżin u huwa xieraq li nwasslu l-messaġġ ċar lill-poplu Tuneżin li aħna ninsabu viżin tiegħu.

Malta tinsisti li l-Unjoni Ewropea tkun viċin tal-poplu Tuneżin f’dan il-mument diffiċli u tgħinu jilħaq l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu.

Sur President,

Dan il-Parlament jilqa’ l-iżvilupp li seħħ bit-Trattat ta’ Lisbona li jagħti sehem aktar dirett lill-parlamenti nazzjonali fil-proċess tat-tehid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-ħarisen tal-Protokoll dwar is-Sussidjaretà.

Bħall-parlamenti nazzjonali l-oħra, minn meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, din il-Kamra tad-Deputati wkoll rat bidla radikali fil-volum tax-xogħol tagħha kif ukoll fil-mod ta’ kif topera u torganizza ruħha.

Ovvjament, iż-żieda fil-volum tax-xogħol jirrikjedi li nħarsu mill-ġdid lejn il-mod ta’ kif din il-Kamra u l-Membri tagħha jaħdmu.

Dan huwa dibattitu li qed jiġi ndirizzat proprju bħalissa u jiena nittama li l-ħidma ta’ din il-Kamra bħala parlament nazzjonali ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jkompli jiġi faċilitat hekk kif din il-Kamra timxi f’bini ġdid mibni apposta fil-Belt Valletta skont l-esiġenza meħtieġa u kif jixraq fiċ-ċirkustanzi ta’ llum.

Sur President,

Bħala Deputati Parlamentari, intom fil-Parlament Ewropew u aħna fil-parlamenti nazzjonali, nifhmu sew li aħna qegħdin hawn biex nirrapreżentaw liċ-ċittadini li poġġew il-fiduċja fina, biex nagħtuhom vuċi, u biex nħarsu l-interessi tagħhom.

Għaldaqstant jeħtieġ li kemm aħna u kemm intom nibqgħu viċin in-nies.

Fil-ħidma tagħna nistgħu ma nkunux perfetti u mhux dejjem inkunu biżżejjed viċin in-nies. Sfortunatament xi kultant tinħass distanza bejna li niddeċiedu u bejn iċ-ċittadini li qed niddeċiedu għalihom.

Din hija realtà kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew.

Pero` jiena m’għandix dubju li kull wieħed u waħda minna, kemm parlamentari nazzjonali kif ukoll ewroparlamentari, ġejjin minn liema partit politiku ġejjin, nagħmlu u se nibqgħu nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu dejjem aktar viċin in-nies, biex nwettqu id-dmir tagħna bil-ħila kollha tagħna u biex nikkomunikaw aktar dak li qed nagħmlu lin-nies. Huwa b’dan il-mod li l-ħidma tagħna fuq livell nazzjonali u tagħkom l-ewroparlamentari fuq livell Ewropew tista’ tiġi aktar apprezzata u rispettata mill-pubbliku li imbagħad ikun lest jirreċiproka bil-fiduċja li jpoġġi fina.

Grazzi ħafna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow