Left arrow Mur Lura

LAQGĦAT IMPORTANTI DWAR IS-SETTUR AGRIKOLU

pr0128
Date Icon 24/01/2011

Temi importanti marbutin direttament mas-settur agrikolu, bħalma huma l-prezz dejjem jiżdied taċ-ċereali, is-sigurtà tal-ikel, kif ukoll provvista adegwata tal-ikel kienu fost it-temi diskussi f’laqgħat tal-Ministri tal-Agrikoltura li saru fi tmiem il-ġimgħa f’Berlin il-Ġermanja.  Għal Malta attenda dawn il-laqgħat il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino.

Dawn il-laqgħat saru fil-kuntest tal-Global Forum for Food and Agriculture li fih ipparteċipaw 53 pajjiż u kienu jinkludu wkoll laqgħa fuq livell Ministerjali.  F’diskors ewlieni matul dan il-Forum, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) Pascal Lamy qal li restrizzjonijiet fl-esportazzjoni qed iwasslu għaż-żidiet fil-prezzijiet taċ-ċereali.  Lamy qal li dan qed joħloq inflazzjoni kbira fil-prezzijiet tal-ikel, kif ukoll iwassal għal skarsezza ta’ prodotti essenzjali tal-ikel, li jolqot l-aktar dawk il-pajjiżi u reġjuni l-aktar vulnerabbli.

Lamy qal li għadu kif tħabbar li l-indiċi tal-ikel tal-FAO, li hija l-Organizzazzjoni tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti laħaq livelli rekord, li saħansitra jiżboq il-livelli għoljin li kienu ntlaħqu fl-2008.  Lamy qal li wara l-kriżi finanzjarja ta’ sentejn ilu, issa d-dinja hi ffaċjata minn kriżi fis-settur tal-ikel li wkoll qed toħloq bosta inċertezzi, u toħloq tensjoni f’diversi pajjiżi u reġjuni. 

Hu appella biex ċertu restrizzjonijiet fl-esportazzjoni jintużaw biss bħala l-aħħar arma u dan wara li jkunu ġew studjati alternattivi oħrajn biex Gvernijiet jiżguraw provvista adegwata għall-pajjiżhom.  Bħala eżempju ta’ dan Lamy fakkar kif ir-Russja u l-Ukrajna waqqfu l-esportazzjoni taċ-ċereali bħala konsegwenza tan-nixfa li sofrew fis-sajf li għadda u dan biex jiżguraw li jkollhom biżżejjed provvista għall-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Fl-intervent tiegħu matul il-laqgħa tal-Ministri tal-Agrikoltura, il-Ministru Pullicino qal li għandu jsir kull sforz biex titrażżan l-ispekulazzjoni fuq prodotti tal-ikel u dan biex ikun hemm prezzijiet ġusti u suq ekwu.  Il-Ministru Pullicino qal li s-sigurtà fl-ikel tintlaħaq b’bilanċ bejn produzzjoni sostenibbli, kif ukoll b’rieda politika ġenwina li tagħraf il-bżonn li jkunu konklużi mingħajr dewmien żejjed in-negozjati tal-WTO li għandhom iwasslu għal produzzjoni akbar ta’ prodotti tal-ikel.

Intant, dawn il-laqgħat f’Berlin kienu jikkoinċidu mal-International Green Week li għaddejja bħalissa f’Berlin u li hi waħda mill-akbar wirjiet agrikoli li jsiru fl-Ewropa.  Għat-tieni sena konsekuttiva Malta hija rappreżentata f’din il-wirja fejn esebituri ta’ prodotti tradizzjonali Maltin esibew u setgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom.  Din l-istand ittellgħet bil-kollaborazzjoni tal-Ambaxxata Maltija f’Berlin, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ Eko-Għawdex.  Il-Ministru Pullicino żar din l-istand u rringrazzja personalment lill-esebituri tal-interess li wrew f’din l-inizjattiva.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow