‘MEMORJI GĦAWDXIN’ MILL-GRUPP TAL-UNIVERSITÀ TAT-TERZA ETÀ F’GĦAWDEX
Il-grupp li jattendi regolarment attivitajiet fi ħdan l-Università tat-Terza Età (U3E) f’Għawdex kien impenjat f’inizjattiva li permezz tagħha ġiet ikkumpilata Compact Disc intitolata ‘Memorji Għawdxin’. Kif wieħed jista’ jifhem mit-titlu, f’din id-diska ġew inklużi ritratti, kitbiet u materjal ieħor li jirrifletti l-memorji tal-parteċipanti li lkoll qabżu s-sittin sena.
L-ideatur ta’ din l-inizjattiva kien is-Sur Charles Farrugia, arkivista nazzjonali, li kkordina wkoll ix-xogħol marbut magħha flimkien ma’ numru ta’ kollaboraturi. Minbarra li ħadmu fuq din l-inizjattiva li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fost gruppi simili, il-grupp tal-U3E ġewwa Għawdex kien ukoll l-ewwel wieħed li stampa ktieb li fih ġew miġbura stejjer u kitbiet qosra li nkitbu mill-parteċipanti nfushom. Il-ktieb ‘Iż-Żifna ta’ Żmienhom’, kien ġie ppubblikat fl-2004 bil-koperazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, iċ-Ċentru Ewropew tal-Gerentoloġija tal-Università ta’ Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Is-CD ‘Memorji Għawdxin’ ġiet imnedija mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt attività mtellgħa fis-sala tal-wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministru faħħret din l-inizjattiva filwaqt li spjegat kif permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom il-membri tal-U3E f’Għawdex qed iżżommu ruħhom attivi fis-soċjetà. Filwaqt li għamlet riferenza wkoll għall-pubblikazzjoni tal-ktieb ‘Iż-Żifna ta’ Żmienhom’, il-Ministru qalet li s-CD ‘Memorji Għawdxin’ ser ikun qed jiftaħ tieqa fuq il-passat riċenti tal-gżira ta’ Għawdex u ser ikun ta’ interess għal kull min iħobb lil din il-gżira. Il-Ministru Giovanna Debono żiedet tgħid li dawn l-inizjattivi huma wkoll riżultati pożittivi li jixhdu l-validità tal-impenn tal-Ministeru għal Għawdex flimkien ma’ entitajiet oħra fosthom il-Kampus tal-Università f’Għawdex, fil-kordinazzjoni ta’ dawn il-korsijiet li ilhom isiru għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003