Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 20 TA’ JANNAR 2011

pr0109
Date Icon 20/01/2011

Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li niltaqa’ magħkom f’din is-serata li fiha jingħata għarfien mistħoqq lil min b’xi mod ta’ sehmu fil-kitba u l-produzzjoni tal-ktieb Malti.

Kull min hu midħla tal-istorja tal-istampa f’pajjiżna jaf kemm sar progress f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin.  Sa ftit żmien ilu konna nissorprendu ruħna meta naraw ktieb Malti stampat sabiħ.  Illum din il-ħaġa noħduha bħala ħaġa normali. M’għadhiex tissorprendina.  Anzi sirna nistennewha.  Din il-bidla saret bil-ħila tal-pubblikaturi tagħna, li mhux biss għarfu l-importanza li l-ktieb jidher attraenti, imma wkoll investew il-flus, il-ħin u l-enerġija biex itejbu l-kwalità tal-prodott.

B’riżultat ta’ dan l-impenn, u bl-użu ta’ teknoloġija mill-aktar avvanzata, il-ktieb Malti llum, issa anki bħala prodott, hu fuq l-istess livell mal-kotba li nimpurtaw.  Mertu kbir ta’ dan huwa wkoll tad-disinjaturi u l-artisti li jaħdmu f’dan il-qasam, u li saru parti integrali mill-proċess tal-produzzjoni tal-ktieb, tant li l-ebda dar editriċi llum ma jgħaddilha minn moħħha li taħdem mingħajrhom. 

It-twaqqif tal-MCAST, partikularment l-Istitut għall-Arti u Disinn, qiegħed jgħin biex jagħti lill-pajjiż u lilkom, żgħażagħ ta’ ħila fid-disinn tal-ktieb.

Il-ktieb mhuwiex ix-xogħol ta’ bniedem waħdu, imma r-riżultat ta’ ħidma twila ta’ kollaborazzjoni bejn l-awtur, il-pubblikatur, id-disinjatur, id-distributur u l-bejjiegħ.  U hija sewwasew din il-kollaborazzjoni li tat ir-riżultati, li f’serati bħal tal-lejla narawhom b’għajnejna u niltaqgħu biex nippremjawhom.

L-għadd ta’ kotba li joħorġu kull sena f’pajjiż żgħir bħal tagħna – pajjiż ta’ ftit ’il fuq minn erba’ mitt elf ruħ – huwa tassew impressjonanti.  Imma m’hijiex biss il-kwantità li tolqtok.  Tolqtok ukoll il-firxa wiesgħa ta’ suġġetti trattati, il-kategoriji diversi li taħthom jiġu kklassifikati dawn ix-xogħlijiet, hekk li jolqtu l-oqsma kollha tal-ħsieb u tal-attività umana.  Għalhekk jagħmel tajjeb il-Kunsill tal-Ktieb li jirrikonoxxi din il-varjetà billi jippremja mhux biss dik li tradizzjonalment konna nsejħulha l-kitba kreattiva, jew il-produzzjoni letterarja – bħar-rumanzi, id-drammi, il-poeżiji u n-novelli – imma wkoll il-kotba ta’ riċerka, il-bijografiji, u t-tifkiriet ta’ dawk li taw sehem importanti fl-iżvilupp tal-istorja politika, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna.

Huwa ta’ sodisfazzjon li nara li matul dawn l-aħħar xhur ħarġu kotba tal-ogħla livell f’dawn l-oqsma.  Għax it-tisħiħ tal-identità tagħna, dak li jżommna magħqudin bħala poplu, jiddependi wkoll minn kemm jirnexxielna nikkonservaw u nġeddu l-esperjenzi tal-imgħoddi permezz tal-kitba.  Hija l-kelma stampata, huma l-kotba, li jirrakkuntaw minn xiex għaddejna, li jfakkruna x’għamilna lbieraħ biex wasalna fejn qegħdin illum, u li jindikawlna t-triq li għandna nieħdu – u l-perikli li għandna nevitaw – biex inkomplu niżviluppaw bħala soċjetà b’saħħitha u biex nużaw l-immaġinazzjoni tagħna biex naħtfu l-isfidi li għandna quddiemna u nsarrfuhom f’opportunitajiet.

Użajt apposta l-kelma ‘immaġinazzjoni’.  Għax il-kotba jgħinuna niżviluppaw din il-fakultà.  Din il-ħila li teżisti f’kull wieħed u waħda minna, biex qatt ma nkunu kuntenti b’dak li ksibna, imma dejjem nesploraw possibbiltajiet ġodda; biex ma nintrabtux ma’ mudelli li għamlu żmienhom, imma nkunu lesti li nfittxu toroq ġodda li jwassluna fejn nixtiequ naslu.

Il-kotba huma l-mezz kif ngħaddu dak li nafu lil dawk li jiġu warajna. Bħalma għandna nkunu grati u rikonoxxenti lejn dawk li ġew qabilna għall-għerf li ħallewlna, hekk ukoll għandna d-dmir li dak li tgħallimna ngħadduh lil uliedna biex ikunu jistgħu jużawh u jibnu fuqu.

Il-kotba m’humiex lussu.  Jiena napprezza l-isforzi kollha li jsiru mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex ixerred l-imħabba lejn il-qari fost is-setturi kollha tal-poplu tagħna, l-aktar it-tfal.  L-ebda awtur Malti ma sar sinjur mill-kotba u għalhekk irridu napprezzaw aktar id-dedikazzjoni u l-imħabba li l-awturi għandhom biex it-talenti u l-ħiliet tagħhom jgħadduhom lil ħaddieħor permezz tal-kotba.

Il-Gvern qiegħed jinvesti aktar fil-libreriji tagħna.  Is-sena li għaddiet 7,000 riċerkatur għamlu użu mill-Biblijoteka Nazzjonali – 12% aktar mis-sena ta’ qabel.  Il-Biblijoteka Nazzjonali hija wkoll wieħed mit-teżori kulturali ta’ Malta, kemm bħala monument arkitettoniku storiku fejn il-Gvern għamel proġett qawwi ta’ restawr, kif ukoll fil-funzjoni li tħares arkivji u kollezzjonijiet uniċi, manuskritti, dokumenti u kotba miġbura fuq medda ta’ mijiet ta’ snin.  Minħabba dan l-aspett tal-Biblijoteka, inħass il-bżonn li s-sena li għaddiet titwaqqaf it-Taqsima għall-Kuratela, li l-iskopijiet prinċipali tagħha huma li tindirizza aspetti ta’ kurazija, fosthom ir-restawr, il-konservazzjoni, kif ukoll il-preżentazzjoni, kemm tal-bini innifsu, kif ukoll tal-arkivji u l-kollezzjonijiet storiċi ta’ ġo fih.  

Fil-libreriji pubbliċi li llum jgħoddu għal waħda ċentrali, 7 reġjonali u 38 fergħa, mhux biss il-Gvern xtara aktar minn 10,000 ktieb ġdid matul is-sena li għaddiet imma żdiedu wkoll il-kotba mislufa – 600,000 ktieb misluf.  Qed ninvestu wkoll f’faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità biex anki min hu nieqes mid-dawl igawdi mir-rikkezza tal-qari. Għal tfal u persuni li għandhom id-dyslexia hemm software apposta li jgħinhom minħabba l-kundizzjoni tagħhom.

Filwaqt li l-Gvern qiegħed jinvesti aktar fit-teknoloġija tal-informatika tant li aħna l-Maltin konna l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn it-tfal tal-kindergarten jużaw il-kompjuter, qed ninvestu aktar fil-libreriji tagħna.  Ix-xahar li għadda inawgurajt l-iskola ġdida sekondarja tas-subien fir-Rabat, Għawdex, is-sena ta’ qabel inawgurajt l-iskola primarja ta’ Pembroke.  Bħalma investejna biex f’dawn l-iskejjel ikun hemm l-aħjar faċilitajiet ta’ laboratorji, art rooms, workshops u computers investejna wkoll biex l-istudenti jkollhom libreriji mill-aqwa.

M’hijiex biss l-istatistika li tgħidilna kemm żdiedet fostna ċ-ċirkulazzjoni tal-kotba għat-tfal.  Din il-ħaġa għandha timlina bil-kuraġġ. Għax jekk it-tfal minn ċkunithom jibdew iħobbu l-kotba, jibqgħu jħobbuhom għomorhom kollu.  Bħal kull drawwa oħra li tibda mit-tfulija, in-namra tal-qari tikber u tissaħħaħ maż-żmien.  Il-kotba jgħinu lit-tfal jiżviluppaw l-immaġinazzjoni tagħhom u jsiru kreattivi – żewġ kwalitajiet li jgħinuhom jikbru u jimmaturaw b’mod sħiħ.  Minn hemm irridu nibdew, fuq hekk irridu nisħqu, jekk irridu li jkollna ġenerazzjoni ta’ adulti li japprezzaw dak li hu tajjeb u sabiħ fil-wirt kulturali tagħna, waqt li jużaw l-immaġinazzjoni tagħhom biex jiżviluppaw dak il-wirt b’mod kreattiv.  Dawn huma s-sisien li fuqhom tinbena wkoll l-edukazzjoni tat-tfal tagħna.  Mingħajr dubju intom ilkoll qed tikkontribwixxu għall-ġid ta’ wliedna u ta’ pajjiżna.  Nirringrazzjakom tax-xogħol kollu li tagħmlu b’riżq l-iżvilupp kulturali u soċjali tal-poplu Malti kollu.

Din is-sena hi s-Sena Internazzjonali tal-Volontarjat.  F’pajjiżna għandna diversi pubblikazzjonijiet li joħorġu biss għaliex hemm mijiet ta’ voluntiera li jidħlu għall-pubblikazzjoni ta’ rivisti, gazzetti u kotba, mingħajr interessi ta’ xejn.  Eżempji ta’ dawn hemm diversi pubblikazzjonijiet fl-iskejjel, fil-knejjes, fost l-għaqdiet soċjali, għaqdiet lokali bħal baned u każini tal-football, għaqdiet ambjentali u kulturali.  Wara kull pubblikazzjoni li ssir ikun hemm investiti sigħat twal ta’ voluntiera.  Insellem lil dawn kollha.

Nirringrazzja wkoll lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-ħidma li qed iwettaq biex il-ktieb jingħata l-importanza li tistħoqqlu.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow