DISKORS MILL-ONOR MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ U INTERVENT MILL-ONOR STEPHEN SPITERI, ASSISTENT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT IL-KONFERENZA IMPACT ASSESSMENT OF MENTAL HEAL
Il-proverbju Malti jgħid “ix-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem”. Proverbju li tant hu f’waqtu għal din il-Konferenza dwar ix-xogħol u s-saħħa mentali. Għaliex ix-xogħol mhuwiex biss mezz biex wieħed jgħix u jgħix komdu, imma ix-xogħol jagħti wkoll dinjità lill-persuna li tħossha utli fil-qasam soċjo-ekonomiku.
Fil-fatt hemm rabta bejn ix-xogħol u s-saħħa mentali, li tista’ tkun kemm negattiva kif wkoll pożittiva. Għalhekk Konferenza bħal din hija ferm f’waqtha. F’perjodu ta’ kriżi finanzjarja bħalma qiegħda għaddejja minnu d-dinja llum, il-prevalenza tal-mard mentali qed tiżdied. Diġà qegħdin naraw li n-numru ta’ suwiċidji qiegħed jiżdied, speċjalment fil-pajjiżi Baltiċi (Irlanda). L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qiegħda tbassar li sas-sena 2025, id-depressjoni se tkun l-aktar marda komuni fis-soċjetà li se tiżboq saħansitra il-mard tal-qalb, il-kanċer u mard kroniku ieħor. Kull sena fl-Ewropa, 10% tal-popolazzjoni tgħaddi minn perjodu ta’ depressjoni. Dan il-fenominu qegħdin narawh anke f’pajjiżna. Ir-riċerka turi li l-prevalenza ta’ depressjoni f’pajjiżna fl-adolexxenti ta’ bejn it-13 u l-14-il sena hi ta’ medja ta’ 21%, iġifieri 7 punti perċentwali aktar mill-medja Ewropea. Dan ifisser li f’Malta hawn madwar 35,000 persuna li qegħdin ibatu mid-depressjoni.
Aħna konxji li l-qgħad hu sors ewlieni għall-mard mentali. Hu proprju għalhekk li hija l-politika dikjarata tal-Gvern li hija msewsa fuq il-ħarsien tal-impjiegi u ħolqien ta’ xogħol ġdid, speċjalment fis-setturi li jirrendu valur miżjud għall-ekonomija tagħna, li jġib qabża fil kwalità tal-għixien tal-poplu tagħna. F’din il-viżjoni hemm post għal kulħadd, għax kull individwu hu bżonjuż, speċjalment fil-qagħda demografika eżistenti, biex jikkontribwixxi skont il-ħiliet tiegħu jew tagħha.
Sfortunatament, persuni li jbatu minn mard mentali għadhom jiġu esklużi fil-qasam tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ tagħrif u perceptions foloz li huma xjentifikament infundati dwar x’hinu fir-realtà l-mard mentali. Dawn il-fatturi jservu biss biex ikabbru l-istigma kontra dawn il-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u jkomplu jiżvantaġġjawhom u jemarġinawhom.
Il-liġi l-ġdida dwar is-saħħa mentali se tkun għodda siewja sabiex inkomplu ntaffu l-istigma u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol.
Nixtieq li qabel ma nagħti l-ideat tiegħi fuq it-tema ta’ din il-Konferenza, nagħti l-verità dwar il-mard mentali.
1. Persuni b’mard mentali mhumiex vjolenti jew ta’ periklu. L-istatistika turi li aktar nies sani jwettqu reati serji. Imma s-soċjetà jew min iħaddem, ma jiddiskriminawx kontra dawn in-nies hekk imsejħa sani.
2. Il-mard mentali serju li jikkawża livell għoli ta’ diżabilità huwa rari ħafna. Imma l-mard bħad-depressjoni, ansejtà u bipolar disorders huma komuni u qegħdin jiżdiedu.
3. L-istorja tgħallimna li kien hawn ħafna politiċi jew dawk fil-qasam tal-arti, xjenza u innovazzjoni li kienu jbatu minn mard mentali, imma xorta waħda ħallew impatt siewi fuq is-soċjetà tagħhom u anke fil-qasam globali. Insemmi biss lil Churchill, Roosevelt, Einstein u aktar riċenti lil Bill Gates, il-moħħ wara l-kumpanija ġiganteska tal-Microsoft. Fil-film A Beautiful Mind, John Forbes Nash kien rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Ekonomija. Nash kien ibati minn paranoid schizophrenia.
4. Aktar minn 65% li jbatu mid-depressjoni, ma jeħdux il-kura neċessarja. Ir-raġunijiet għal dan huma varji. Hemm min jibża’ jirrikorri għall-kura professjonali minħabba l-istigma jew jibża’ li jiġi diskriminat fuq il-post tax-xogħol. Raġuni oħra ewlenija hija mis-diagnosis mit-tobba, għax aktar minn 30% tan-nies li jbatu mid-depressjoni, jippreżentaw ruħhom għand it-tobba b’sintomi psikosomataċi.
5. Il-maġġoranza tal-mard mentali jista’ jitfejjaq b’kura tajba u f’waqtha. Għal dawk il-ftit li l-marda tagħhom tkun kronika, il-kura moderna u multidixxiplinarja tnaqqas id-diżabilità li dan il-mard jikkawża u tgħinhom biex jibqgħu jgħixu fil-komunità u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-qasam soċjo-ekonomiku.
6. Il-mard mentali għandu multiplier effect minħabba li jikkawża problemi soċjali u ta’ relazzjoni fil-familja. Għalhekk hemm bżonn ta’ kura effettiva u f’waqtha sabiex dawn il-problemi soċjali ma nħalluhomx jeskalaw to a point of no return.
Il-mard mentali hu ta’ piż ekonomiku għas-soċjetà. Hu kkalkulat li fl-Ewropa, il-mard mentali jikkawża telf finanzjarju ta’ bejn 2% u 3% fil-prodott gross domestiku. Dan ifisser li telf għal Malta jammonta għal aktar minn 100 miljun Ewro fis-sena. F’riċerka li saret f’25 pajjiż tal-membri tal-Unjoni Ewropea, inkużi wkoll fl-Isvizzera, n-Norveġja u l-Iżlanda, id-depressjoni u l-bipolar disorders jiswew lil dawn il-pajjiżi 106 biljun Ewro fis-sena, li minnhom 77 biljun Ewro (73% tal-ispiża) huma dovuti għas-sick leave u nuqqas ta’ produzzjoni kkawżat minn dan il-mard. Riċerka Ewropea turi li wieħed minn kull tmin ħaddiema jbatu mid-depressjoni. Jekk nieħdu dawn il-figuri u nqabbluhom mal-popolazzjoni ta’ Malta, dan ifisser li madwar 12,300 ħaddiem jistgħu jkunu qegħdin ibatu mid-depressjoni. Fil-fatt, ir-riċerka turi wkoll li Malta għandha l-aktar rata għolja ta’ depressjoni, ansjetà u stress fil-ħaddiema – rata ta’ bejn 29.3%, waqt li l-medja Ewropea hija ta’ 17.6%.
Dawn l-istatistiċi soċjo-ekonomiċi għandhom jimpenjaw aktar il-Gvern, l-imsieħba soċjali u l-għaqdiet ċivili biex jgħatu aktar prijorità lill-prevenzjoni tal-mard mentali fuq il-post tax-xogħol. Dan l-impenn qiegħed isir aktar urġenti minħabba li l-ekonomija Ewropea, inkluż ta’ pajjiżna għaddejja minn perjodu ta’ ristrutturar u tranżizzjoni. L-Ewropa għandha bżonn ħaddiema b’edukazzjoni għolja u produttiva biex tikkompeti fis-suq globalizzat. Fl-istess ħin, il-bidla ekonomika u t-tnaqqir tal-boundaries bejn ix-xogħol u l-ħajja soċjali, qegħdin jagħmlu lill-ħaddiema aktar vulnerabbli għall-istress psikoloġiku, burn-out u problemi ta’ saħħa mentali. Sistemi effettivi ta’ promozzjoni tas-saħħa, inkluż dak psikoloġiku huma ta’ fejda għall-ħaddiema u anke għall-industrija. Barra minn dan, b’miżuri ta’ flexi hours tista’ tagħmel id-differenza għall-ħaddiem li jkollu problemi ta’ saħħa mentali.
Biex nilħqu l-għan tagħna għal titjib fis-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, hemm bżonn ta’:
1. Investiment fil-promozzjoni tas-saħħa kemm mill Gvern, imma l-aktar mill-imsieħba soċjali.
2. Taħriġ lil min iħaddem u l-managers tal-intrapriżi fuq il-mard mentali u kif l-organizzazzjoni għandha ddaħal sistemi effettivi biex twieżen lil min għaddej minn perjodu ta’ mard mentali u tgħinu fir-rijabilitazzjoni u biex jerġa’ jintegra ruħu fil-post tax-xogħol.
3. Kull intrapriża għandha tagħmel audit tal-proċessi burokratiċi u organizzattivi tagħha sabiex tnaqqas l-istress fuq ix-xogħol, ikun hemm bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-paga, u biex jitħares il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja soċjali.
4. Fl-aħħar hemm ukoll il-bżonn li nagħtu ħarsa lejn l-assistenza soċjali li jgħati l-Gvern għall-mard u d-diżabilità, sabiex dawn ma jkunux ta’ diżinċentiv biex wieħed jerġa’ jintegra ruħu fil-post tax-xogħol.
Rapport li ħarget l-OECD f’Novembru 2010 jindika li f’ħafna pajjiżi għad hemm xi jsir biex dawn il-benefiċċji ma jkunux ta’ xkiel għar-rintegrazzjoni fil-ħajja soċjo-ekonomika.
Irrid nagħlaq b’dan il-messaġġ għal min iħaddem. Tibżgħux tħaddmuhom lil dawn in-nies. Dawn huma nies bħali u bħalek. Irridu nkunu aħna bħala policy makers biex inbiddlu din il-mentalità u dan jista’ jsir b’aktar għarfien. Nixtieq nifraħ lir-Richmond Foundation mhux biss għall-kwalità għolja ta’ din il-Konferenza, imma wkoll għax-xogħol siewi u ta’ fejda li qiegħda tagħmel għall-klijenti li jbatu minn mard mentali. Dawn jinkludu fost oħrajn programmi effettivi għall-promozzjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u programmi mnedija minnhom biex dawn il-klijenti jipparteċipaw b’mod produttiv fil-qasam ekonomiku.
Grazzi wkoll lill-ETC, Malta Employers Association u l-Compagnie de Soren (Belgium) talli pparteċipajtu f’din il-Konferenza. Jien nemmen b’konvinzjoni li dak li nagħmlu ma’ dawn il-klijenti li huma tant vulnerabbli u ħafna drabi soċjalment eżkluzi, jiġi mrodd lilna lura. Jekk mhux f’din id-dinja, fil-ħajja ta’ wara.
Grazzi.
Intervent mill-Onor Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja
It-Tabib Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja tkellem dwar is-saħħa mentali u x-xogħol. Persuni li għandhom xi tip ta’ diżabilità mentali jinħtieġu għajnuna mill-Gvern permezz tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, għaqdiet mhux governattivi u anke l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, biex jintegraw ruħhom fid-dinja tax-xogħol.
Dawn il-persuni jkollhom bżonn ukoll għajnuna tal-professjonisti minn diversi oqsma biex meta jsibu opportunità ta’ xogħol ikunu kapaċi jidħlu għaliha b’suċċess.
L-Assistent Parlamentari għamel enfasi qawwija fuq kif ix-xogħol, fid-dinja mgħaġġla tal-lum, qed ikun kaġun ta’ kundizzjonijiet mentali, fosthom li stress li hu meqjus bħala t-tieni l-akbar disordni mentali kaġunata mix-xogħol. Forom aktar qawwija ta’ stress jistgħu mbagħad jiżviluppaw anke f’ansjetà jew dipressjoni.
Hu kalkulat li sas-sena 2020 id-dipressjoni se ssir l-aktar forma komuni ta’ diżabilità mentali marbuta max-xogħol.
Stephem Spiteri sostna li l-Gvern għandu jservi bħala koordinatur li jġib flimkien lil dawk kollha involuti biex jinħoloq ambjent aħjar ta’ xogħol li jassigura xogħol aħjar u allura joffri l-possibiltà ta’ stil ta’ ħajja aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003