JIĠI ĊĊELEBRAT JUM IS-SIĠAR F’GĦAWDEX
It-tfal kollha li jattendu l-iskola Primarja tax-Xagħra fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex, flimkien mal-għalliema tagħhom kienu impenjati biex iħejju programm ta’ attivitajiet fl-okkażjoni ta’ ‘Jum is-Siġar’. Magħhom ingħaqdu uffiċjali oħra mill-qasam edukattiv f’Għawdex primarjament dawk responsabbli mill-programm Hands on Farming u l-inizjattiva eko-skola fi ħdan l-istess Kulleġġ.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono attendiet għal din l-attività li għaliha kien hemm ukoll preżenti l-Prinċipal tal-Gozo College, Chev. Frank Gatt. L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattivi li jiġu meħuda bħala parti mis-sistema edukattiva biex jitkattar l-għarfien dwar materji relatati mal-ħarsien tal-ambjent fost it-tfal u l-istudenti. Kompliet tispjega kif il-ħarsien ambjentali jirrelata wkoll mal-viżjoni Eko-Għawdex bil-għan li Għawdex isir aħjar f’kull aspett tal-ħajja. Fost ħwejjeġ oħra l-pjan ta’ azzjoni marbut ma’ din il-viżjoni jfittex li jiġi protett l-ambjent rurali tal-gżira filwaqt li jiżdiedu spazji li fihom jiġu mħawla aktar siġar. Il-Ministru semmiet żewġ proġetti li permezz tagħhom diġà qed isir xogħol biex jitħawlu numru ta’ siġar, fosthom wieħed f’Marsalforn li ser joffri spazju ta’ rikreazzjoni għall-familji kif ukoll iktar siġar, fil-lokalità ta’ Marsalforn.
L-Onor. Giovanna Debono rreferiet ukoll għall-pakkett ta’ riżorsi li tħejja b’mod speċjali għall-istudenti Għawdxin biex ikunu jistgħu jifhmu aktar il-kunċetti marbuta ma’ Eko-Għawdex. Hija ħeġġet lit-tfal preżenti biex jaddottaw il-prattiċi ambjentali tajbin li jitgħallmu dwarhom waqt il-lezzjonijiet tagħhom ankè meta jmorru d-dar u fil-komunità.
L-attività marbuta ma’ Jum is-Siġar 2011 ser tibqa’ mfakkra f’din l-iskola permezz ta’ siġar li tħawlu fil-ġnien tal-iskola mill-Ministru għal Għawdex kif ukoll minn erba’ studenti tas-sitt sena. L-istudenti l-oħrajn kellhom l-okkażjoni li jħawlu huma wkoll xitel ta’ siġar endemiċi waqt sessjoni organizzata mill-uffiċjali responsabbli mill-programm ta’ Hands-on-Farming. Dan il-programm, li qed jiġi organizzat f’Għawdex għas-sitt sena konsekuttiva, għandu l-għan li jxerred għarfien filwaqt li jippromwovi l-ħarsien ta’ siġar u pjanti fost l-istudenti fl-iskejjel primarji.
Sadanittant, id-Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex reġa’ qassam kalendarji lill-istudenti kollha fl-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji f’Għawdex. Dawn il-kalendarji, li jistgħu jintużaw bħala bookmarks, iwasslu messaġġi edukattivi marbuta ma’ prattiċi tajbin li huma marbuta mal-viżjoni Eko-Għawdex.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003