STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU - Is-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali qed tistħarreġ il-kantina ta’ Casa Cassar
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bħala l-Ministeru responsabbli mill-kultura u l-antikitajiet, jirreferi għall-istqarrija tal-Partit Laburista li waslet għal konklużjonijiet żbaljati u li fiha talab li ssir “inkjesta immedjata dwar il-fdalijiet tal-għadam li qed jingħad li tneħħew minn dan il-post”, meta fil-fatt diġa hemm investigazzjoni għaddejja u li bdiet qabel is-sejħa tal-Partit Laburista.
Il-liġi Maltija tagħti l-awtorità u l-awtonomija kollha lis-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali li tordna kull forma t’azzjoni u stħarriġ li hemm bżonn biex tkun mgħassa u protetta kull sejba t’antikità li jista’ jkollha valur storiku.
Fil-każ tal-kantina ta’ Casa Cassar, dan qiegħed jiġri u s-Sovratendenza diġà ordnat li jsir dan l-istħarriġ:
a. Rapport dwar il-kundizzjoni preżenti tal-kantina;
b. Rapport dwar il-motivazzjoni għall-applikazzjoni tal-iżvilupp li għamlet il-Grand Harbour Regeneration Corporation; u
c. Evalwazzjoni arkeoloġika kif meħtieġa mil-liġi.
Dan l-istħarriġ irid jitlesta qabel is-Sovrantendenza tkun tista’ tifforma opinjoni dwar l-applikazzjoni għall-iżvilupp u li allura ma jistax ikun hemm deċiżjoni tal-MEPA dwarha qabel tali opinjoni tkun iffurmata.
Hu għalhekk iċċarat li indipendentement l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa qed isiru diġà b’mod awtonomu u skont kif titlob il-liġi u dan qabel l-istqarrija tal-Partit Laburista.
Intant hu meħtieġ ukoll ikunu ċċarati xi punti li ghalkemm huma diġà huma pubbliċi il-Partit Laburista irrepeta b’mod skorrett:
1. Ma sar ebda xogħol u m’hux propost li jsir ebda żvilupp ta’ ebda forma fil-kripta tal-Knisja tal-Vitorja.
2. La l-Gvern u lanqas xi waħda mill-entitajiet tiegħu ma wettaq xi xogħol, xi skavar jew xi forma t’intervent fil-kantina ta’ Casa Cassar. Il-Gvern ma qatta’ l-ebda blat, ma sab ebda għadam u ma ċaqlaq ebda fdalijiet minn xi post għal ieħor. Il-Grand Harbour Regeneration Corporation u l-periti tagħha kull m’għamlu s’issa hu li żaru Casa Cassar biex jieħdu l-qisien u għamlu r-riċerka li hemm bżonn issir bħala parti mill-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp li għadha qed tiġi evalwata.
3. Il-fdalijiet li jirreferi għalihom il-Partit Laburista u li dehru f’ritratti ppubblikati minn Flimkien għall-Ambjent Aħjar jinsabu f’kaxxi tal-kartun ġodda fil-kantina ta’ Casa Cassar. Dawn kienu hemm meta l-GHRC l-ewwel darba li żaret il-post u għadhom hemm sakemm is-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali tordna mod ieħor.
Sakemm isir dan l-istħarriġ, l-applikazzjoni tal-GHRC tibqa’ pendenti quddiem il-MEPA u ma jsirux xogħolijiet. Jekk ix-xogħolijiet ikunu awtorizzati dan ikun seħħ wara li jsiru l-verifiki kollha skont il-liġi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003