‘EWROPA B’SAĦĦITHA’ - DJALOGU PUBBLIKU MILL-MEUSAC
Imfissra l-Prijoritajiet u l-Programm tal-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE
Fil-bidu tal-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) u l-Ambaxxata Ungeriża organizzaw djalogu pubbliku li matulu ġew ippreżentati l-prijoritajiet u l-programm ta’ ħidma tal-Presidenza l-ġdida.
F’dan id-djalogu pubbliku pparteċipaw il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg, l-Ambaxxatur Ungeriż għal Malta János Balla, l-Ambaxxatriċi ta’ Spanja għal Malta María Isabel Vicandi, kif ukoll l-Ambaxxatur Belġjan għal Malta Jean-François Delahaut. Id-djalogu pubbliku tmexxa mill-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb.
Fid-diskors tiegħu l-Ambaxxatur Balla tkellem dwar il-motto tal-Presidenza Ungeriża li huwa ‘Ewropa b’Saħħitha’. Hu fisser l-erba’ prijoritajiet tal-Presidenza li huma:
1. It-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, b’enfasi fuq l-ekonomija.
2. Ewropa iktar b’saħħitha li tibni fuq li għandna u tipproteġi l-futur. Il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni Ewropea hija ta’ importanza kbira bħalma hi r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni. Is-settur tal-enerġija ser jingħata l-importanza tiegħu wkoll mill-Presidenza Ungeriża. Suġġett ieħor kruċjali huwa l-perspettiva finanzjarja li jmiss tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020.
3. UE qrib iċ-ċittadini. Dan partikolarment fejn jidħlu s-sigurtà u l-ġustizzja u t-tisħiħ taż-żona Schengen.
4. It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea kif ukoll relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja. F’dan ir-rigward, l-Ungerija trid li jingħalqu n-negozjati għas-sħubija tal-Kroazja kif ukoll li jsir progress fin-negozjati mat-Turkija. L-Ungerija trid tagħti ukoll prijorità lir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni.
Il-Viċi-Prim Ministru Borg fisser il-perspettiva Maltija u d-dimensjoni Mediterranja tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea. Saħaq li l-Mediterran għandu dejjem jingħata prijorità. Din l-istqarrija sabet ukoll il-kunsens tal-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Affarjiet Barranin George Vella, li f’intervent li għamel waqt id-djalogu pubbliku, tkellem dwar l-importanza tad-dimensjoni Mediterranja tal-politika tal-UE.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tal-Affarjiet Barranin Malti qal ukoll li Malta hija determinata li tirratifika t-tibdil meħtieġ fit-trattati tal-UE biex jiddaħħal mekkaniżmu permanenti għall-għajnuna lil Stati Membri tal-UE li jkollhom bżonn. Qal ukoll li Malta tixtieq tara iktar enfasi fuq l-iżvilupp rurali. Malta taqbel mat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u temmen li dan isaħħaħha. F’dan il-kuntest hu saqsa x’ikunu l-konsegwenzi jekk pajjiżi li jixtiequ jidħlu fl-UE ma jingħatawx il-possibbiltà ġaladarba jissodifaw il-kriterju biex jissieħbu. Tkellem dwar l-importanza tal-pajjiżi tal-Balkani kif ukoll dwar id-djalogu mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ fuq, partikolarment il-Libja.
L-ambaxxatriċi Spanjola u l-Ambaxxatur Belġjan tkellmu dwar il-presidenza ta’ pajjiżhom matul l-ewwel nofs u t-tieni nofs tal-2010 rispettivament. Wara l-interventi tagħhom, saru numru ta’ interventi minn uħud minn dawk preżenti.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003
pr0094a.pdf