IL-KUMMISSJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-MINISTRI JAGĦTU ĊERTIFIKAT GĦAT-TMEXXIJA GĦAQLIJA TAL-FINANZI TA’ PAJJIŻNA
Il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea approva l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea li tagħti ċertifikat għat-tmexxija għaqlija tal-finanzi ta’ pajjiżna meta ddikjaraw li Malta ħadet il-miżuri neċessarji fil-kuntest tal-proċedura ta’ deficit eċċessiv u qablu li m’għandhomx jitkomplew il-proċeduri fil-każ ta’ Malta.
Il-Kummissjoni kkonkludiet li Malta rnexxielha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa fil-qafas tal-baġit tagħha biex tikkoreġi s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fiż-żmien stipulat mill-Kunsill, jiġifieri sal-2011. Madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat li Malta għandha tkompli ssaħħaħ il-qafas baġitarju tagħha fuq medda itwal ta’ żmien u tintroduċi dawk il-miżuri li jindirizzaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.
Dan wassal biex il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċeduri fil-każ tad-defiċit ta’ Malta m’għandhomx jitkomplew. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni Ewropea għadha għaddejja bi proċeduri minħabba defiċit eċċessiv fil-każ tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea għajr l-Estonja, il-Lussemburgu u l-Isvezja.
Għall-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech, “dan huwa riżultat ta’ tmexxija għaqlija tal-finanzi tal-pajjiż”. “Filwaqt li komplejna ninvestu fejn meħtieġ biex inħarsu u nkattru l-postijiet tax-xogħol u nsaħħu l-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi soċjali u l-pensjonijiet, ħadna dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa u xi kultant diffiċli”. Tonio Fenech spjega kif “il-fatt li l-proċeduri kontra Malta issa ngħalqu, dan iċ-ċertifikat ta’ stabbiltà finanzjarja se jkompli jagħmel lill-pajjiżna aktar attraenti għall-investiment, barrani u lokali, u b’hekk isaħħaħ il-ħidma tal-Gvern biex jattira lejn xtutna aktar postijiet tax-xogħol ta’ kwalità.”
Il-Ministru Fenech żied jgħid li “filwaqt li din hija aħbar pożittiva oħra għall-ekonomija u l-finanzi ta’ pajjiżna, il-ħidma tagħna għandha tkompli tiffoka biex filwaqt li nsostnu dawn ir-riżultati, naraw li l-benefiċċji li jirriżultaw minnhom jaslu aktar għand il-familji Maltin u Għawdxin.”
Fl-istess waqt, fl-istess rapport, il-Kummissjoni Ewropea twissi li għandha titkompla l-ħidma biex tkun assigurata s-sostenibbiltà finanzjarja fuq medda itwal ta’ żmien. Dan jikkonferma l-ħtieġa ta’ riforma fis-sistema tal-pensjonijiet, li għandha tiżgura pensjonijiet adegwati għal min jirċievihom u sostenibbli għall-pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003