ESPORTATI MADWAR 3.5 MILJUN BATTERIJA GĦAR-RIĊIKLAĠĠ
Waqt attività li saret dalgħodu fiċ-ċentru għall-iskart goff tal-Imrieħel, mat-3.5 miljun batterija bdew it-triq sabiex ikunu esportati għar-riċiklaġġ. Dan l-ammont sostanzjali ta’ batteriji hu ekwivalenti għal 71 tunnellata ta’ batteriji li ġew mormija b’mod għaqli.
Il-WasteServ tul dawn l-aħħar snin qassmet madwar pajjiżna mal-1,000 battery bin fl- iskejjel, Kunsilli Lokali u ħwienet sabiex il-batteriji użati jintremew f’dawn il-kontenituri għalihom u mhux imħallta ma’ skart ieħor.
Matul dawn l-aħħar snin il-kumpanija WasteServ kienet għaddejja b’kampanja għal ġbir tal-batteriji partikolarment mill-iskejjel, li permezz tagħha nġabru mal-14.2 tunnellata ta’ batteriji. Din il-kampanja saret bil-kollaborazzjoni tal-Fimbank. L-aktar skola li ġabret batteriji hija St. Patricks Salesian School. Il-WasteServ wettqet din il-kampanja edukattiva biex tenfasizza li l-batteriji huma skart perikoluż u m’għandhomx jiġu mormija mal-borża s-sewda. Dan l-iskart huwa perikoluż għaliex għandu sustanzi bħal nickel, iċ-ċomb u l-merkurju. Għalhekk hemm bżonn li dawn il-batteriji jiġu miġbura u trattati kif suppost biex jitħares l-ambjent kif ukoll titħares is-saħħa tan-nies.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, li kien preżenti għall-attività, fakkar kif f’dawn l-aħħar 18-il xahar ġew trattati aktar minn 40,000 unit ta’ televisons, monitors, fridges u freezers li jiżnu 800 tunnellata. Il-Ministru Pullicino appella wkoll biex flimkien inkomplu t-triq it-tajba li qbadna biex nisseparaw dejjem aktar l-iskart. Huwa fakkar li mill-2008 sal-lum permezz tal-operazzjoni tal-kumpless ambjentali ta’ Sant’Antnin ġew ipproċessati ’l fuq minn 33,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli li jinkludu karta, kartun, plastik u metall.
Ic-Chairman tal-WasteServ, il-Perit Ben Farrugia rringrazzja wkoll lill-poplu Malti li qiegħed jagħmel l-isforz tiegħu biex jarmi dan it-tip ta’ skart fiċ-Ċentri Ċiviki li għandha l-WasteServ f’Malta u f’Għawdex. Huwa qal li “għandna nkomplu nnaqqsu l-iskart. Għaldaqstant anki fir-regward tal-batteriji dan nistgħu nagħmluh billi nużaw batteriji rechargeable biex b’hekk innaqsu l-kwantità ta’ batteriji li narmu”. Hu temm biex jgħid li l-figuri huma nkoraġġanti iżda jintħieġ li kull Malti jagħti sehmu għall-ġid tal-ambjent ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003