STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU, DR. LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAS-16 U 17 TA’ DIĊEMBRU 2010
Mr. Speaker,
Illejla nixtieq nirrapporta lill-Kamra dwar il-parteċipazzjoni tiegħi fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-16 u 17 ta’ Diċembru li għadda. Nibda billi nqiegħed kopja tal-Konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-tema ewlenija ta’ din il-laqgħa kienet l-emenda limitata għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) sabiex il-membri taż-Żona Ewro ikunu jistgħu jwaqqfu l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà bħala mekkaniżmu permanenti biex tiġi mħarsa l-istabbilità finanzjarja ta’ din iż-żona.
Kif irrapurtajt lil din il-Kamra fis-7 ta' Diċembru, fil-Kunsill Ewropew tat-28 u 29 ta’ Ottubru, il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tas-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea konna qbilna dwar il-ħtieġa li jiġi mwaqqaf mekkaniżmu permanenti sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja taż-Żona Ewro. Għalhekk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, kellu konsultazzjonijiet ma l-Istati Membri dwar bidla limitata meħtieġa fit-Trattat. Fil-frattemp il-Kummissjoni bdiet ukoll, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kunsill Ewropew, ħidma preparatorja dwar il-karatteristiċi ġenerali ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid, inkluż is-sehem tas-settur privat, ir-rwol tal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-kondizzjonalità iebsa li taħtha għandhom joperaw programmi fi ħdan dan il-mekkaniżmu.
Il-qbil li lħaqna fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li għadda kien li għandu jiżdied dan il-paragrafu mal-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):
"3. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-Ewro kollha. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun soġġett għal kondizzjonalità stretta".
Peress li din l-emenda mhix qed tagħti kompetenzi ġodda lill-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi mdaħħla bis-saħħa tal-Artikolu 48(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dan l-artikolu jippermetti lill-Kunsill Ewropew, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, u f’ċerti każijiet, mal-Bank Ċentrali Ewropew, li jadotta deċiżjoni li temenda dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Id-dħul fis-seħħ ta’ emendi bħal dawn, inkluż din li għadni kemm semmejt, jiddependi mill-approvazzjoni sussegwenti tal-Istati Membri f'konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi ta’ kull Stat Membru.
Il-pjan huwa li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.
Għalhekk huwa ttamat li l-konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet, jiġifieri il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, u l-Bank Ċentrali Ewropew, ikunu lesti sa Marzu li ġej ħalli fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ dak ix-xahar stess tittieħed id-deċiżjoni formali mill-Kunsill Ewropew; Anness I tal-Konklużjonijiet huwa abbozz ta’ din id-deċiżjoni. Imbagħad wara dan, jibda l-proċess tal-approvazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri individwali, inkluż dan il-Parlament; huwa ttamat li dan il-proċess ikun konkluż sa Diċembru 2012. B'hekk, l-emenda tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Eventwalment, dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ser jieħu post il-mekkaniżmi ta' bħalissa, jiġifieri l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), li ser jispiċċaw f'Ġunju 2013.
Il-karatteristiċi ġenerali tal-mekkaniżmu l-ġdid kienu elenkati fid-dikjarazzjoni tal-Euro Group tat-28 ta’ Novembru li għadda u huma inklużi bħala Anness II fil-Konklużjoni tal-Kunsill Ewropew li għadni kemm poġġejt fuq il-Mejda. Dawn il-karatteristiċi jinkludu il-ħtieġa ta’ deċiżjoni unanima mill-pajjiżi taż-Żona Ewro, konsiderazzjoni każ b'każ, ir-rwol tal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-parteċipazzjoni ta’ kredituri mis-settur privat, il-ħtieġa ta’ programm strett ta' aġġustament fiskali u ekonomiku.
Kif għidt, dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ser jitwaqqaf mill-membri taż-Żona Ewro. Madankollu qbilna li Stati Membri oħra jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma ta' dan il-mekkaniżmu on a case by case basis.
Matul il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-16 u 17 ta’ Dicembru, il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern taż-Żona Euro għamilna dikjarazzjoni li ser nagħmlu “dak kollu li huwa meħtieġ” biex inħarsu l-istabbilità taż-żona u li l-Ewro jibqa’ fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea. Qsamna d-determinazzjoni li nkomplu l-implimentazzjoni sħiħa tal-programmi eżistenti, inklużi dak Grieg u Irlandiż, l-impenn favur ir-responsabbiltà fiskali, ir-riformi strutturali meħtieġa u t-tisħiħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, it-tisħiħ akbar tas-sistema finanzjarja kemm fir-rigward tal-qafas regolatorju kif ukoll ta’ superviżjoni u l-appoġġ sħiħ għall-ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u Sigurtà, Catherine Ashton, aġġornatna dwar il-ħidma tagħha mal-imsieħba strateġiċi tal-Unjoni Ewropea, partikolarment maċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti. Dwar iċ-Ċina, hija spjegat li din hija relazzjoni ta’ interdipendenza strateġika u saħqet dwar il-ħtieġa li nitkellmu b’vuċi waħda. Ir-Rappreżentant Għoli ser iżżur ir-Russja; il-bidla fil-klima u l-enerġija għandhom ikunu elementi ewlenin fl-aġenda bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja. Mal-Istati Uniti l-Unjoni Ewropea qed titkellem dwar oqsma pjuttost ġodda, inkluż is-cyber security u l-enerġija. Il-Barunessa Ashton qed tippjana li matul din is-sena tkompli tiżviluppa ma’ għadd ta’ msieħba ewlenin oħra, partikolarment l-Indja, il-Brażil u l-Afrika t'Isfel.
Iddiskutejna punti oħra inkluż ir-riżultati tal-Konferenza ta' Cancun dwar il-bidla fil-klima, il-qagħda fil-Côte d’Ivoire fil-waqt li Montenegro ġie approvat bħala pajjiż kandidat ghal sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003
pr0086a.pdf