L-ASSESSJAR FL-AĦĦAR TAS-SITT SENA FL-ISKEJJEL PRIMARJI
Ġunju 2011
Bħala parti mir-riforma fil-mixja tat-tfal mill-Primarja għas-Sekondarja, bejn l-1 ta’ Ġunju u t-8 ta’ Ġunju 2011 se jsiru sensiela ta’ eżamijiet bi skop differenti minn dak lil kellhom l-eżamijiet fid-Dħul fil-Junior Lyceums, jew il-Common Entrance Examination. L-iskop ewlieni ta’ dawn l-eżamijiet mhux se jkun li jiddetermina f’liema tip ta’ skola sekondarja se jmorru t-tfal u lanqas biex insiru nafu liema tfal huma rebbieħa jew telliefa.
F’dan l-istadju hemm bżonn li t-tfal jirnexxu lkoll u għalhekk l-iskop hu li nkejlu u nassiguraw l-istandards u l-progress li jagħmlu t-tfal wara sitt snin fil-Primarja. Dan l-eżerċizzju ta’ assessjar jissejjaħ “Benchmarking” u jinvolvi l-Malti, l-Ingliż u l-Matematika. Hu mistenni li t-tfal kollha li jkunu fis-Sitt Sena fl-iskejjel Primarji tal-Istat joqogħdu għal dan l-eżami.
L-iskejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti qed jiġu mistiedna u mħeġġa biex it-tfal kollha tagħhom li jinsabu fis-Sitt Sena fil-livell Primarju jieħdu sehem f’dan l-eżerċizzju ta’ benchmarking ukoll. L-informazzjoni li toħroġ minn dan l-eżerċizzju tkun ta’ valur kbir għall-iskejjel, għall-għalliema, għall-ġenituri u speċjalment għat-tfal fil-proċess tat-tagħlim tagħhom.
Il-format tal-eżamijiet se jkun differenti minn dak tal-eżamijiet tal-Junior Lyceums u dan se jsir biex wieħed isir jaf f’aktar dettall il-ħiliet wiesgħa tat-tfal. Għaldaqstant, l-eżamijiet tal-Malti u l-Ingliż se jkunu intenzjonati biex jassessajaw il-ħiliet tagħhom fl-erba’ oqsma ta’ kull lingwa, jiġfieri, Taħdit (Speaking), Smigħ (Listening), Taħriġ il-Fehem (Reading Comprehension) u Kitba (Creative Writing). It-Taħdit u s-Smigħ għandhom 20 marka kull wieħed filwaqt li t-Taħriġ il-Fehem u l-Kitba għandhom 40 marka kull wieħed. Fil-każ tal-Matematika il-karta tal-eżami se tkun maqsuma f’żewġ partijiet. L-ewwel parti se tassessja l-ħila tat-tfal li jagħmlu kalkulazzjonijiet sempliċi ġo moħhom (Mental) u din se jkollha 20 marka. It-tieni parti tassessja l-ħiliet tat-tfal li jsolvu mistoqsijiet u problemi matematiċi bil-kitba u din is-sezzjoni se jkollha 80 marka.
Kampjuni tal-Karti ta’ dawn l-eżamijiet jinsabu fuq il-websajt www.curriculum.gov.mt flimkien ma’ feedback sheets għall-użu ta’ evalwazzjoni.
Xi ħaġa ġdida f’dawn l-eżamijiet hija li kull eżami miktub jinkludi fih ħin miżjud (extra time) għat-tfal kollha. Fil-każ tal-eżami tal-Matematika l-iskola stess ħa tagħmel arranġamenti biex il-karta tinqara lil dawk it-tfal li jistħoqqilhom dan l-arranġament minħabba d-diffikultajiet ta’ tagħlim tagħhom. Fl-eżamijiet tal-lingwi, fejn il-qari huwa element li qed jiġi assessjat flimkien mas-smigħ, taħdit u kitba, huwa importanti li l-eżami ikejjel il-livell tat-tfal f’dawn l-aspetti mingħajr l-għajnuna.
L-eżamijiet orali se jiġu mogħtija marka mill-għalliema fl-iskola stess iżda l-karti tal-eżamijiet bil-kitba tal-Malti, tal-Ingliż u tal-Matematika jiġu kkoreġuti mit-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv fid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni. Dawn jiġu kkoreġuti minn żewġ għalliema differenti. Għall-ewwel darba se jiġu aċċettati għalliema li jgħallmu s-Sitt Sena, sew fi skejjel tal-Istat kif ukoll fi skejjel tal-Knisja u Indipendenti, biex jikkoreġu dawn il-karti. Dan se jkun possibbli minhabba l-fatt li d-dettalji personali tat-tfal fuq il-karti li jaħdmu fuqhom fl-eżamijiet jitneħħew qabel ma jgħaddu għand l-għalliema. Din se tkun esperjenza ġdida għall-għalliema tal-Primarji u se jkollha effett pożittiv fuq il-kwalità tat-tagħlim fil-klassi.
Ir-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju se jintbagħat lill-iskejjel u dawn jibagħtuh id-dar lill-ġenituri.
Għal dawk it-tfal li jkunu morda jew assenti, jew tfal oħra li l-iskola tagħhom tal-Knisja jew Indipendenti ma tkunx daħħlithom għal dan l-eżami, se jsir eżami għalihom għal nofs Ġunju. Dan se jinżamm filgħaxijiet biex dawn it-tfal ma jitilfux skola.
Rigward l-eżamijiet tal-Istudji Soċjali u r-Reliġjon fl-iskejjel tal-Istat fir-Raba, fil-Ħames u fis-Sitt Sena, dawn se jibqgħu jsiru bħala eżamijiet annwali fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju. Dawn l-eżamijiet jiġu kkoreġuti mill-għalliema stess tal-iskola u r-riżultati tagħhom ma jintużawx għall-iskop ta’ Benchmarking.
Se jsiru sensiela ta’ laqgħat fejn id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni se titkellem mal-ġenituri fil-ġranet li ġejjin bejn is-6 u t-8 ta’ filgħaxija f’dawn iċ-Ċentri:
Data | Skola | Kulleġġ |
17 ta’ Jannar 2011 | Primarja Msida | Santa Tereża |
18 ta’ Jannar 2011 | Primarja Siġġiewi | San Injazju |
19 ta’ Jannar 2011 | Primarja Attard | San Nikola |
20 ta’ Jannar 2011 | Primarja Żurrieq | San Benedittu |
21 ta’ Jannar 2011 | Primarja San Ġwann | Santa Klara |
24 ta’ Jannar 2011 | Primarja Marsaxlokk | San Tumas More |
25 ta’ Jannar 2011 | Sekondarja Subien Għawdex | Għawdex |
26 ta’ Jannar 2011 | Primarja Floriana | San Ġorġ Preca |
27 ta’ Jannar 2011 | Sekondarja Bniet Mosta | Maria Regina |
28 ta’ Jannar 2011 | Primarja B Żabbar | Santa Margerita |
29 ta’ Jannar 2011 | Istitut Kattoliku Floriana | 9.30 -11.30 am |
Data | Skola | Kulleġġ |
17 ta’ Jannar 2011 | Primarja Msida | Santa Tereża |
18 ta’ Jannar 2011 | Primarja Siġġiewi | San Injazju |
19 ta’ Jannar 2011 | Primarja Attard | San Nikola |
20 ta’ Jannar 2011 | Primarja Żurrieq | San Benedittu |
21 ta’ Jannar 2011 | Primarja San Ġwann | Santa Klara |
24 ta’ Jannar 2011 | Primarja Marsaxlokk | San Tumas More |
25 ta’ Jannar 2011 | Sekondarja Subien Għawdex | Għawdex |
26 ta’ Jannar 2011 | Primarja Floriana | San Ġorġ Preca |
27 ta’ Jannar 2011 | Sekondarja Bniet Mosta | Maria Regina |
28 ta’ Jannar 2011 | Primarja B Żabbar | Santa Margerita |
29 ta’ Jannar 2011 | Istitut Kattoliku Floriana | 9.30 -11.30 am |
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003