DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAS-SISTEMA TA’ ASSESSJAR FI TMIEM IL-PRIMARJA – LUQA – 15 TA’ JANNAR 2011
EDUKAZZJONI TA’ KWALITA’ GĦAT-TFAL KOLLHA
Il-Gvern hu mpenjat li jkompli jagħti edukazzjoni ta’ kwalita’ lit-tfal kollha mingħajr distinzjoni. Dan se jkun assigurat bis-sistema ġdida ta’ assessjar fi tmiem l-iskola primarja li se tkun introdotta din is-sena biex tieħu post l-eżamijiet tal-Junior College u tal-Common Entrance.
Illum qed nagħmlu pass importanti ieħor fl-iżvilupp tas-sistema edukattiv ta’ pajjiżna. Fil-qasam tal-edukazzjoni rridu dejjem nibqgħu naġġornaw is-sistemi u nadottawhom għas-sitwazzjonijiet attwali li l-iżvilupp tal-pajjiż jiddetta. Dan ma jfissirx li għandna narmu dak li għandna jew li s-sistemi li qdew il-ħtiġijiet tal-pajjiż għal numru ta’ snin kienu ħżiena. Iżda l-akbar żball li nistgħu nagħmlu hu li ma naġġornawx is-sistemi u nkunu kuntenti b’dak li ksibna s’issa.
Biex wasalna għal dan il-pass wittejna t-triq b’ħidma li għamilna fis-snin u x-xhur li għaddew. Bdejna biex ħloqna l-għaxar kulleġġi li għandna l-lum, kull wieħed bl-istrutturi tiegħu. Neħħejna li streaming mill-iskejjel tagħna. Fil-klassijiet kollha tal-primarja issa għandna studenti b’ħiliet differenti. Neħħejna l-eżami tal-Junior Lyceum u l-pass naturali li jmiss issa huli nintroduċu sistema ta’ kif se nassessjaw l-istudenti tagħna fi tmiem il-Primarja biex nistabilixxu l-ħiliet tagħhom.
Kif tispjega aktar ‘l quddiem id-Direttur Ġenerali għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni, l-Professur Grace Grima, din is-sistema l-ġdida se tidħol fis-seħħ f’Ġunju li ġej.
L-Assessjar il-ġdid se jieħu forma ta’ eżamijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali. L-iskop tagħhom hu li jagħtuna l-livelli ta’ kompetenza li jkunu laħqu l-isudenti qabel jindew is-sekondarja. B’hekk inkunu nistgħu nfasslu l-programm edukattiv skont il-ħtiġijiet ta’ kull student u studenta u allura ngħinuhom biex ikompli mexjin ‘l quddiem u nagħtuhom għajnuna addizzjonali – jekk ikun il-każ – fis-suġġetti li jkollhom bżonn.
Se nassessjaw lill-istudenti fuq firxa ta’ ħiliet biex ikollna stampa ċara ta’ dak li hu kapaċi jagħmel kull student/a f’din il-fażi kruċjali tal-iżvilupp edukattiv u personali tagħhom. Din l-istampa narawha flimkien mal-istudenti nfushom u l-ġenituri tagħhom u fuq kollox mal-għalliema li se jkun responsabbli mill-edukazzjoni tat-tfal fil-livell sekondarju. Se tinħoloq sistema ta’ rappurtaġġ li tkun aġġornata perjodikament skont il-progress tat-tifel jew tifla.
Biex wasalna għal din is-sistema tkellimna u kien hemm parteċipazzjoni wiesgħa ma’ diversi stakeholders fosthom il-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Universita fejn ikunu preparati l-għalliema tagħna kif ukoll l-għalliema nfushom kemm dawk fl-iskejjel tagħna kif ukoll fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati.
Irrid ngħid li l-għalliema tas-sitt sena tal-primarja kellhom sehem qawwi kemm fil-konsultazzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar kif għandhom jitfasslu dawn l-eżamijiet.
Jiena konvinta li bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd is-sistema l-ġdida għandha taħdem u taħdem sew biex inkomplu ngħollu l-livell tal-esperjenza edukattiva li nagħtu lill-istudenti tagħna u nassiguraw li jkollhom prospetti tajbin kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq dak Ewropew.
Importanti ngħid ukoll li f’dan kollu, barra li tkellimna u smajna lil dawk interessati, imxejna wkoll mal-punti gwida li jagħti l-Qafas Ewropew tal-Lingwi u se nagħtu l-importanza mistħoqqa lill-ħiliet fil-lingwi.
Kif tispjega aħjar Grace Grima warajja, fejn jidħlu l-lingwi, jiġifieri l-Malti u l-Ingliz, it-tfal se jkunu assessjati wara li jkunu semgħu xi ħadd jitkellem b’dawn il-lingwi, fuq kemm huma jafu jitkellmu bihom, kemm huma kapaċi jawrawhom u jifhmuhom u finalment fuq il-ħila tal-kitba biż-żewġ lingwi. Fil-matematika, barra l-eżami bil-kitba se jkollhom ukoll eżerċizzju mentali wkoll.
Meta ħabbarna r-riforma tat-Tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja – u din li qed inħabbru l-lum hi fażi oħra minn dik ir-riforma – kien hawn min esprima tħassib li issa l-għalliema se jkomplu jħabbtu wiċċhom ma tfal b’ħiliet differenti u dan jista’ jippreżenta diffikulta.
Aħna smajna u għarbilna bir-reqqa dak kollu li ntqalilna, inkluż dan it-tħassib. Jien, u miegħi id-Diretturi Ġenerali u l-uffiċjali l-oħra tad-Dipartiment għandna fiduċja sħiħa fl-għalliema tagħna. Ilkoll kemm huma l-lum, jgħaddu mill-manglu tal-Universita’ fejn jingħataw preparazzjoni li tagħmilhom kapaċi jilqgħu anke din l-isfida.
Irrid inserraħ ras l-għalliema kollha li mhux se nħalluhom weħidhom. Kif jafu huma stess diġa’ saru numru ta’ laqgħat magħhom fejn kien spjegat lilhom kif se jsir dan l-assessjar. U d-Direttorat ikun dejjem lest li jkompli jassisti kulfejn hemm bżonn.
Barra minn dan, mill-ġimgħa d-dieħla stess, fil-Kulleġġi kollha tagħna se nibdew sessjonijiet ta’ laqgħat mal-ġenituri dwar kif se nħaddmu flimkien dan il-proċess. Nistieden lill-ġenituri kollha li għandhom ‘l uliedhom f’dawn l-iskejjel, kemm tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti biex jattendu għal dawn il-laqgħat għaliex din ir-riforma qed nagħmluha lkoll flimkien.
Punt ieħor importanti li xtaqt insemmi hu li fil-proċess tal-assessjar se ninvolu lill-għalliema tas-sitt klassi u se nġibu flimkien għalliema mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. Din l-opportunita’ għandha tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp professjonali tagħhom. Flimkien se jkunu qed jevalwaw il-livelli ta’ studenti minn skejjel differenti bla ma jkunu jafu minn liema skola jkunu ġejjin l-istudenti.
Tifhmu li biex wasalna hawn għaddejna minn proċess li ħa xi ftit fit-tul. Iżda ridna nisimgħu dak li kellu xi jgħid kulħadd, niddiskutu u nfittxu li noħorġu bl-aħjar mudell ta’ assesjar li jkun adattat għaċ-ċirkostanzi tagħna u li fl-istess waqt jibqa’ jiggarantilna li nagħtu edukazzjoni ta’ kwalita’ fl-iskejjel tagħna.
Għalhekk minn qalbi rrid nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehmhom f’dan il-proċess. Nappella għas-sehem ta’ kulħadd biex nassiguraw is-suċċess ta’ din is-sistema u b’hekk inkunu qed nassiguraw futur aħjar għat-tfal tagħna u għal pajjiżna kollu kemm hu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003