Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT U TKATTIR TAL-POSTIJIET TAX-XOGĦOL FIL-MANIFATTURA – JS DIMECH TIRDOPPJA L-ĦADDIEMA TAGĦHA

pr0064
Date Icon 14/01/2011

Il-kumpanija JS Dimech, li twaqqfet fl-2004 u li hi involuta f’xogħol ta’ manifattura fuq prodotti tal-azzar u stainless steel fost l-oħrajn, kompliet tinvesti u rduppjat in-numru ta’ postijiet tax-xogħol minn 48 għal 100 matul l-aħħar tliet snin. Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech, fil-fabbrika ta’ din il-kumpanija f’Ħal-Far.

Il-Ministru Fenech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-aħbar li huwa ddeskriva bħala prova ċara ta’ kif il-ħidma u l-investiment tal-imprenditur Malti flimkien mal-għajnuna tal-Gvern u l-Malta Enterprise qed twassal biex tissaħħaħ l-attività ekonomika f’pajjiżna u dan qed jirriżulta fil-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol. Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-fatt li waqt iż-żjara tiegħu ltaqa’ ma’ uħud mill-25 eks-ħaddiema tat-Tarzna li jaħdmu ma’ din il-kumpanija. Huwa fisser dan bħala prova ċara li l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet kapaċi tassorbi numru sostanzjali minn dawn il-ħaddiema li għandhom esperjenza u kapaċitajiet tajbin ħafna.

Tonio Fenech innota li dan it-tkabbir b’saħħtu sar fl-aħħar tliet snin, f’perijodu fejn id-dinja kienet għaddejja minn sfidi ekonomiċi kbar. Huwa sostna li l-fatt li l-imprendituri, anke Maltin, komplew jinvestu f’dan iż-żmien huwa turija ta’ fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna. B’riżultat ta’ dan, pajjiżna kompla joħloq aktar xogħol u skont statistika tal-Eurostat, Malta għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea kollha, b’6.2%, meta l-medja hija ta’ qrib l-10%.

Minkejja li l-maġġoranza tal-bejgħ tal-kumpanija huwa orjentat lejn is-suq lokali, il-kumpanija qed tħares ukoll lejn swieq barranin, b’mod partikolari l-Libja u t-Tuneżija.

Il-kumpanija gawdiet minn għajnuna tal-Malta Enterprise fil-forma ta’ tax credits għall-investiment kif ukoll kienet approvata wkoll għajnuna ta’ €72,000 taħt “l-ERDF Innovation Grant Scheme” biex tiffinanzja parti mill-investiment u l-makkinarju ġdid tagħha. Skont Tonio Fenech, dawn l-għajnuniet huma kruċjali biex dawn il-kumpaniji komplew jinvestu, jipproduċu prodotti ta’ kwalità ogħla u b’hekk isaħħu l-livell ta’ kompetittività tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow