3,020 MARA JIDĦLU LURA GĦAX-XOGĦOL FL-2010 U JGAWDU MINN SENA BLA TAXXA
Fl-2010 kien hemm 3,020 mara li daħlu lura għax-xogħol wara li kellhom tarbija u 166 mara li daħlet lura għax-xogħol wara ħames snin u b’hekk gawdew mill-inċentiv tal-Gvern ta’ tnaqqis mit-taxxa. Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech, waqt diskors fl-inawgurazzjoni ta’ fergħa ġdida tal-Bank of Valletta f’Buġibba.
Dan ifisser li b’kollox mid-dħul ta’ din l-iskema, 7,521 omm jew mara ngħataw tnaqqis fl-income tax għaliex reġgħu daħlu lura għax-xogħol. Huma gawdew bejniethom minn €7.4 miljun. Dawn jinqasmu f’5227 omm li daħlu lura għax-xogħol wara li kellhom tarbija u 2294 li daħlu għax-xogħol wara ħames snin.
Il-Ministru Tonio Fenech tkellem ukoll dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji li qed ikompli jikber u qed joħloq aktar postijiet tax-xogħol. Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatitika din il-ġimgħa, fuq perijodu ta’ 12-il xahar inħolqu madwar 1,500 impjieg ġdid fis-settur li jiġbor is-servizzi finanzjarji, kummerċjali u l-proprjetà.
Il-Ministru feraħ lill-Bank of Valletta għall-investiment kontinwu tiegħu biex isaħħaħ is-servizz li joffri lill-klijenti. Huwa fakkar fl-importanza li l-bank jirrispetta u jħares ir-responsabbiltajiet soċjali tiegħu anke fid-dawl, l-ewwelnett ta’ dak li ġara fil-kriżi internazzjonali, iżda anke għaliex il-kwalità tas-sistema bankarja huwa wieħed mill-fatturi li investituri jħarsu lejhom biex jinvestu fil-pajjiż.
Il-Ministru żied jgħid li l-bank, li jħaddem 1,500 impjegat, f’45 fergħa u 6 business centres qed jagħti kontribut importanti biex is-sistema bankarja Maltija tibqa’ reżiljenti. Din is-saħħa kienet ikkonfermata minn studju tal-Forum Ekonomiku Dinji li s-sena li għaddiet poġġa lis-sistema bankarja bħala fost l-aqwa għaxra fid-dinja għaliex kienet sigura u mingħajr problemi ta’ likwidità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003